It-Taqsima Port u Trasport tal-UĦM tinnota li ta’ spiss ix-xufiera li jaħdmu mall-Malta Public Transport (Autobuses de Leon) qegħdin jaffaċċjaw kritika ta’ nuqqasijiet li ma jiddependux minnhom iżda jiddependu minn nuqqasijiet ta’ min imexxi. Fost dawn hemm nuqqasijiet ta’ndafa, manutenzjoni, ta’ sigurta, kif ukoll nuqqasijiet ta’arja kundizzjonata li taħdem kif suppost.
Ninfurmaw lill-pubbliku li dawn ix-xuffiera kemm ‘il darba irrapportaw dawn in-nuqqasijiet lil min imexxi. Madankollu dawn l-ilmenti mhux qegħdin jiġu ikkalkulati.
Barraminnhekk, ix-xufiera ta’ sikwiet jirrifjutaw li jsuqu vetturi meta jkollhom xi dubju li dawn jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurta kemm tax-xufiera nfushom kif ukoll ta’ persuni oħrajn, iżda qed ikun hemm xi każijiet fejn dawn ix-xufiera qed jiġu sfurzati jsuqu dawn il-vetturi xorta waħda.
Il-UĦM tappella lill-pubbliku biex jifhem li l-ħaddiema tal-Malta Public Transport (Autobuses de Leon) mhux responsabbli ta’dawn in-nuqqasijiet. Minkejja dan ikunu huma li dejjem qegħdin jiffaċċjaw kritika inġusta tal-pubbliku.
Il-UĦM kemm il-darba kitbet lill-management li jmexxi it-trasport pubbliku b’dawn in-nuqqasijiet u fid-dawl li l-management qed jinjora l-ilmenti u l-għajta tal-ħaddiema, l-UĦM qed tagħti vuċi lil-ħaddiema billi tagħti Direttiva lil-ħaddiema membri tagħha sabiex ma jsuqux vetturi jekk:-
L-arja kundizzjonata tal-vettura mhux taħdem kif suppost jew mhux jitfa’ biżżejjed li jlaħħaq sewwa mall-passiġġiera kollha. Dan jinkludi wkoll difetti fil-blowers u l-fannijiet tal-arja kundizzjonata;
Il-fannijiet tax-xufiera ma jaħdmux kif suppost;
Is-seat tax-xufiera jkun bil-ħsara, mkisser, mhux aġġustabbli u/jew mhux skond il-paramentri tas-saħħa u sigurta;
Id-dwal ta’ twissija (warning lights) fid-dashboard jindikaw li il-vettura jista’ jkollha xi ħsarat jew problemi;
Ħsarat fit-tyres u/jew wheel pointers nieqsa;
Problemi oħra li minħabba fihom il-vettura tista’ tkun ta’ riskju għall-ħaddiema jew għall-pubbliku;
Intant il-UĦM tistenna li l-pubbliku jifhem u jappoġġja l-pożizzjoni tax-xufiera li ser ikunu kostretti jieħdu din il-miżura mhux biss sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom stess, iżda wkoll sabiex dawn ma jkunux ta’ periklu għall-konsumatur u ċ-ċittadin in ġenerali.