Waqt proċess tal-verifika li kien qed isir fil- Malta Freeport Corporation ħareġ biċ-ċar kemm il-management tal-istess korporazzjoni irid ikompli jaġevola lill-GWU f’dan il-proċess.
Tant hu hekk li ħalla uffiċjal tal-GWU barra fil-kurituri waqt il-proċess tal-verifika. Din mhux l-ewwel darba li l-UĦM ipprotestat kontra l-aġir ċar tal-management tal-Korporazzjoni u l-Gvern li qed jagħmel minn kollox sabiex jaġevola lill-GWU f’rikonoxximent ta’ dan il-post tax-xogħol.
Saħansitra l-Gvern, mill-elezzjoni ‘l hawn u permezz tal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation, żiedet l-impjegati tagħha b’numru li jirrifletti aktar minn 16 fil-mija tal-ħaddiema preżenti.
Dawn il-ħaddiema kellhom istruzzjonijiet ċari sabiex flimkien jaħdmu ħalli l-GWU tkun rikonoxxuta.
Intant il-UĦM ipprotestat immedjatament dwar dan l-aġir u mhux se tkompli tipparteċipa f’dan il-proċess. Din il-union qed turi b’mod ċar kemm il-Gvern u l-GWU huma mgħannqin ma’ xulxin. Aktar mhu qed jgħaddi ż-żmien, il-UĦM tinnota kemm l-espressjoni “tista’ ma taqbilx magħna imma tista’ taħdem magħna” għadha wisq ‘il bogħod!.