Wara insistenzi kontinwi mit-Taqsima tas-Saħħa fi ħdan il-UĦM, il-Ministeru tas-Saħħa u l-Enerġija ikkonferma ma’ din il-union li se jkun qed jibni parkeġġ ġdid għall-ħaddiema sabiex ikunu jistgħu jagħtu servizz aħjar.
Dan ġie kkonfermat minn Rennie Mercieca, konsulent fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Enerġija, kif ukoll minn Ivan Falzon, Kap Eżekuttiv fl-Isptar Mater Dei.
Sal-lum, il-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei għadhom qed isibu nuqqas ta’ parkeġġ u saħansitra ikun hemm ċirkustanzi li huma jipparkjaw ħażin tant li jispiċċaw isakkru lil sħabhom stess fiz-zona għall-parkeġġ allokata lilhom. Dan b’detriment għas-saħħa u s-sigurta’ tagħhom u tal-kollegi tagħhom.
Għal dawn l-aħħar xhur, il-UĦM kienet f’negozjati mal-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei sabiex jinstabu spazji oħrajn għall-parkeġġ u b’hekk titnaqqas il-frustrazzjoni.
B’riżultat ta’ dawn in-negozjati ġie identifikat il-post fejn se jkun qed jinbena dan il-parkeġġ il-ġdid. Dan se jkun fuq erba’ sulari u se jkun qed jipprovdi 396 parking ġdid għall-ħaddiema tal-isptar. Din il-union se tkun qed tara li dak li ġie mwiegħed ikun implimentat.
Il-UĦM tesprimi sodisfazzjon għall-mod kif tmexxew id-diskussjonijiet ma’ Rennie Mercieca, il-konsulent fi ħdan il-Ministeru, u Ivan Falzon, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, li b’rieda tajba waslu għal riżultat pożittiv b’riżq il-ħaddiema kollha.