Wara li matul is-sena li għaddiet il-UĦM Voice of the Workers ħarġet sensiela ta’ stqarrijiet u ġew pubblikati artikli dwar il-ħtieġa li ssir reviżjoni urġenti tal-prezzijiet tal-enerġija, u speċjalment wara feature li kien pubblikat fuq il-portal www.voiceoftheworkers.eu, dwar il-bżonn li l-kompetizzjoni miftuħa tirrenja għal iżjed vantaġġi lill-konsumatur, il-vuċi ta’ din il-union sa fl-aħħar instemgħet.
Dan għax f’artiklu li ġie pubblikat fil-ħarġa ta’ Times of Malta tal-lum, l-Awtorita’ Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCA) sabet li jista’ jkun hemm każ biex tittieħed azzjoni fuq ilment li kien sar sena ilu u li kien saħaq li monopolju kien qed jaħdem fil-bejgħ tal-fjuwil fil-pompi.
L-ilment kien imressaq minn sid ta’ pompa tal-petrol fir-Rabat, li kien qed jippjana li jnaqqas il-prezz, li bih kien qed ibigħ id-diesel, b’żewġ ċenteżmi. Madankollu, dan is-sid warrab il-pjan għax stqarr li min kien qed jipprovdih bil-fjuwil kien qed jagħmillu pressjoni biex ma jibqax għaddej bil-pjan.
Filwaqt li fis-settur tal-petrol l-Enemed tgawdi monopolju assolut, hemm numru ta’ importaturi privati fis-settur tad-diesel. Madankollu, in-nuqqas ta’ faċilitajiet għall-ħażna qed jostakola lil dawn il-kumpaniji privati milli jisfidaw bis-serjeta’ il-monopolju tal-Enemed.
Sadattant fid-dawl ta’ investigazzjoni dwar l-ilment li damet sena, il-MCCA bdiet tesegwixxi il-proċeduri neċessarji kontra l-imsejjaħ cartel, bid-deċiżjoni finali se tingħata mid-direttur ġenerali.
Il-UĦM Voice of the Workers tinnota b’sodisfazzjon li din l-aħbar tikkonferma l-istqarrijiet kollha li kienet ħarġet fl-aħħar sena u tisħaq li l-kwistjoni kollha hi dwar il-monopolju ta’ suq li suppost hu kompetittiv. Din il-union issostni li l-kwistjoni tal-prezzijiet tiġi waħda sekondarja jekk, fl-aħħar mill-aħħar, il-monopolju jinqered u sussegwentament jirrenjaw il-prezzijiet kompetittivi.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, kien saħaq fuq il-portal www.voiceoftheworkers.eu il-ġimgħa li għaddiet li “f’dan il-pajjiż irid ikollna mekkaniżmu li jassigura prezz ġust lill-konsumatur u tenna li “wieħed mill-prinċipji kif dan isir, f’ekonomija u f’demokrażija miftuħa, hu billi tkun applikata l-liberalizzazzjoni tas-suq”. (Ara l-link fuq http://ezine.uhm.org.mt/malti/feature/issue0090)