fbpx

Il-UĦM tappella lill-Gvern biex jieqaf jagħmel ħsara lil Malta

“Ma nistgħux  naċċettaw l-attitudni ħażina tal-Gvern li qed tkisser il-governanza”. Dan  sostnih Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha fisser  ir-raġunijiet għaliex din il-union se tkun qed tipparteċipa fid-Dimostrazzjoni Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni ta’ nhar il-Ħadd 10 ta’  April 2016.

Josef  Vella stqarr li wara li semgħet l-opinjoni tal-membri tagħha, tal-ħaddiema u tal-membri fuq il-Bord Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fuq dak kollu li għaddej fil-pajjiż bħalissa, il-union tħoss li m’hemmx triq oħra ħlief li tipparteċipa f’din id-dimostrazzjoni. Dan għax issa mhux biss hi kwistjoni ta’ korruzzjoni iżda anke ta’ governanza. Sfortunatament, il-media internazzjonali qed titkellem fuq Malta b’mod negattiv u dan jista’ jaffettwa l-investiment, l-impjiegi u dak kollu li nbena f’għexieren ta’ snin. “Il-fiduċja u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna jieħdu snin twal biex jinbnew imma jistgħu jintilfu fi ftit sekondi,” sostna Josef Vella.

“Mhux sewwa li nużaw il-partiġjani­żmu sabiex inkesksu n-nies kontra xulxin,” żied Josef Vella filwaqt li wkoll appella lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jara li inċidenti bħal ma kien hemm quddiem il-Qorti nhar il-Erbgħa jiġu evitati u ma jsirux. “Ma jagħmilx sens li meta jkun hemm grupp jipprotesta, jingħata permess lil grupp ieħor b’sentimenti opposti biex iwassal il-messaġġ tiegħu fl-istess post – dan jistieden biss l-inkwiet,”saħaq il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.

Hu appella lill-Gvern biex l-attitudni lejn  din il-union tinbidel u fakkar f’numru ta’ okkażjonijiet fejn il-UĦM kienet strumentali f’diversi inizjattivi u proposti, fosthom, it-tnedija tal-Jobs+, iċ-Child Care b’xejn u l-proposti ta’ kif il-Gvern jindirizza l-abbużi fuq is-suq tax-xogħol. Minflok il-Gvern qed juża lin-nies tiegħu sabiex jattakkaw lill-union jew lill-Kap Eżekuttiv tagħha. Mhux sew li persuna fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru tattakka lill-UĦM u lill-MEA talli jitkellmu dwar is-sitwazzjoni preżenti. Din żgur mhux demokrazija jekk xi msieħeb soċjali jiġi attakkat jew jitkellem. Għalhekk it-theddida mhix biss dwar korruzzjoni imma fuq il-governanza u d-djalogu soċjali.

Josef Vella kompla jgħid Ii mhux etiku li Ministru juża l-emozzjoni billi juża lil uliedu ħalli jagħmel il-każ tiegħu. Ma nistgħux nibqgħu nitrattaw lill-poplu b’dan il-mod qishom karfus u bla moħħ. Il-ħażin jinsab fil-prinċipju u mhux fid-dettal. Ħaddiem qabel jirċievi l-paga, l-ewwel ma tinqatalu hi t-taxxa u l-kontribuzzjoni soċjali. Min hu sinjur, inħolqulu liġijiet biex ma jkollux għalfejn joqgħod f’Malta jħallas it-taxxi bħal-ħaddiem iż-żgħir. X’wiċċ għandu l-politikant li jiġri wara l-ħaddiem jew tal-ħanut u jarrestah għax evada t-taxxa?

L-attitudini ta’ dan il-gvern hu li jniżżel it-termometru fl-ilma tas-soċjeta’ u qabel ma dan jinfaqa’ ma jiħux azzjoni. Dan il-gvern jieħu azzjoni biss skond l-opinjoni pubblika u dan mhux aċċettabbli. Id-deċiżjonijiet jridu jittieħdu f’ħinhom qabel ma ssir il-ħsara u mhux skond is-surveys. Dak li qalet l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) mhux fittizju imma reali ħafna. Il-MEA semmiet biss settur wieħed, dak finanzjarju, imma l-effetti jinfirxu fuq is-setturi kollha. Jekk nieħdu timbru ħażin ma jsalvana ħadd u jbati biss il-ħaddiem u mhux l-investitur. Dan tal-aħħar malajr imur post ieħor.

Josef Vella tenna l-appell tiegħu lill-Gvern biex ibiddel l-attitudni tiegħu u jieħu d-deċiżjonijiet f’waqthom. “Aħna qegħdin hawn biex naħdmu; il-UĦM dejjem offriet is-soluzzjonijiet, iżda tippruvax theddidna biex tagħlqilna ħalqna. Il-mument li l-imsieħba soċjali jagħlqu ħalqhom ikun il-mument li l-MCESD ma jkunx għajr ħlief talking shop u dan ma rriduħx għax xogħolna hu li nirrappreżentaw lill-ħaddiema u lill-familji Maltin u Għawdxin kollha”, saħaq Josef Vella.

Għal dan kollu, sostna Josef Vella, il-UĦM Voice of the Workers se tipparteċipa fid-dimostrazzjoni nazzjonali ta’ nhar il-Ħadd.

“Nitlob lill-Gvern biex ma jħallix rasu tikbirlu; irrispetta lill-poplu u ftakar li hawn għajta ta’ nies inkwetati. Ftakar li inti tiġi u tmur imma dak li tħalli warajk, irridu niffaċċjawh aħna. Nispera li warajk tħalli investimenti tajbin, ekonomija b’saħħitha u xogħol aħjar. Jekk dan kollu jibqa’ se mhedded mela aħna se nissoktaw insemmgħu leħinnha, temm jgħid Josef Vella.

Filmat ħajr lil netnews.com.mt:

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment