fbpx

Ħtieġa li jkun pubblikat Household Budgetary Survey iżjed aġġornat

“Jeħtieġ li jkun pubblikat Household Budgetary Survey ieħor għax l-aħħar wieħed ilu skadut sa mill-2008.” Dan kien  l-appell li sar  minn Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-union tat ir-reazzjoni uffiċjali tagħha għar-rapport tal-Caritas bl-isem ta’ A Minimum Essential Budget for a Decent Living.

Josef Vella stqarr li anki jekk il-Household Budgetary Survey ikun pubblikat għada, it-tagħrif  pubblikat ikun skadut. Dan għax il-Household Budgetary Survey suppost ikun rivedut kull ħames snin.

Skont l-aħħar Household Budgetary Survey pubblikat fl-2008, kważi 19,000 familja bi dħul ta’ bejn €8,000 u €10,000 nefqu medja ta’ €11,109 f’sena. Din iċ-ċifra teċċedi l-paga bażika, jiġifieri dik ta’ €9,747.40 li fuqha tiġi mkejla l-COLA.

Skont l-Awtorita’ Nazzjonali tal-Istatistika fl-2008, il-familji ma kinux kapaċi jġemmgħu. “U llum, x’inhi s-sitwazzjoni? Il-familji Maltin illum jinsabu agħar jew aħjar?,” staqsa Josef Vella filwaqt li kompla  jistaqsi  “jekk familji bi dħul baxx kienu qed jonfqu, bħala medja, €11,109 fl-2008, illum kemm qed jonfqu?”.

Għaldaqstant, sostna Josef Vella, il-UĦM Voice  of the  Workers tistenna Household Budgetary Survey ieħor – għodda xjentifika u iżjed dettaljata – sabiex tkun evalwata u tinstab pożizzjoni dwar jekk għandux jinstab livell ġdid ta’ paga minima jew living  wage.

Josef Vella qal li mingħajr Household Budgetary Survey aġġornat, li għandu jkun pubblikat b’mod kontinwu, hu impossibbli li wieħed jiddetermina d-dħul minimu neċessarju għall-familji biex ilaħħqu mal-ħajja. Hu qal li aġġustament ta’ darba lill-paga minima ikun biss miżura għal perijodu qasir.

Josef Vella qal li jekk nitkellmu dwar il-paga minima mingħajr ma nikkunsidraw fatturi oħrajn  inkunu qed nilgħabu  man-nar għax inkunu qed nipperikolaw ċertu sitwazzjonijiet fis-suq  tax-xogħol.

Hu qal li  biż-żieda tal-paga  minima, ċertu setturi bħalma  hi l-industrija tal-kostruzzjoni, jistgħu jkunu  inqas kompetittivi u dan wara li ġie nnotat li l-ispejjeż tax-xogħol f’Malta qed jogħlew. Il-paga minima f’Malta llum, imqabbla ma’ stati membri oħrajn  fl-Unjoni Ewropea, qed  tmur lejn  it-triq tan-nofs. Dan ifisser li żieda fil-paga minima tista’ tattira ħaddiema minn terzi pajjiżi ġejjin mill-Unjoni Ewropea u li  jkollhom paga  minima inqas minn dik f’Malta.

B’referenza għall-proposta tal-Caritas li jitwaqqaf istitut dwar il-faqar, Josef Vella fakkar li l-UĦM kienet resqet propost fil-baġit li għadda dwar il-ħtieġa li jitwaqqaf istitut li jimmonitorja l-ekonomija u s-soċjeta’. Hu qal li wasal iż-żmien li ċentri dwar il-ġabra  tal-istatistika jinġabru taħt kappa waħda u dan biex ma jkun ebda verżjoni differenti fejn  tidħol l-istatistika.

Josef Vella sostna li l-mekkaniżmu tal-COLA sar ineffettiv għax mhux qed jindirizza d-diskrepanza minn sena  għal sena dwar l-għoli tal-ħajja. “Min hu bil-minimum wage għandu jingħata l-għajnuna  imma  mhux b’detriment ta’ setturi oħra fis-soċjeta’, bħalma huma l-pensjonanti,”sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice  of the Workers.

Fi preżentazzjoni, Philip von Brockdorff, konsulent tal-UĦM Voice of the Workers saħaq dwar il-bżonn li titwaqqaf Kummissjoni dwar il-Paga Minima – kummissjoni li tikkonsisti f’rappreżentanti mill-imsieħba soċjali, esperti fil-qasam tax-xogħol u uffiċjali għoljin mill-ministeri rilevanti.

Dr. von Brockdorff saħaq li Kummissjoni dwar il-Paga Minima hi bżonnjuża sabiex tanalizza s-suq tax-xogħol li qed jevolvi, speċjalment jekk żieda fil-paga minima tattirax aktar ħaddiema minn terzi pajjiżi. Hu qal li tali kummissjoni għandha tara jekk żieda fil-paga minima taffettwax dawk is-setturi li qed jaffaċċjaw livell għoli ta’ kompetittivita’, bħalma hi l-manifattura.

Dr. von Brockdorff stqarr li din il-kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Gvern dwar paga minima ġdida li ma toħloqx xkiel u tevita effetti negattivi fuq il-kompetittivita’.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment