Il-UĦM Voice of the Workers bi pjaċir tħabbar l-iffirmar ta’ ftehim kollettiv għax-Shift Leaders li jaħdmu fil-Malta Freeport Terminals Limited (MFTL) u li sar nhar it-Tnejn 12 ta’ Diċembru 2016.
Dan il-ftehim intlaħaq wara diversi negozjati u l-andament tad-diskussjonijiet bejn il-UĦM u l-management tal-Port Ħieles kien wieħed tajjeb ħafna.
Minn dan il-ftehim, ix-Shift Leaders fil-Port Ħieles se jgawdu mhux biss minn żieda sostanzjali fil-paga tagħhom, iżda wkoll minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Dan hu wieħed minn ftehim li sar għall-ħaddiema tal-Malta Freeport Terminals Limited. Aktar ftehim għall-ħaddiema f’taqsimiet oħrajn fi ħdan il-kumpanija se jkunu konklużi fi żmien qasir.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv għax-Shift Leaders tal-Port Ħieles kien hemm Josef Vella, Kap Eżekuttiv, Jesmond Bonello, Direttur u Kenneth Abela, Employment Relations Manager, għan-nom ta’ UĦM Voice of the Workers kif ukoll Alex Montebello, Kap Eżekuttiv, Duncan Borg Myatt, Direttur tal-HR, Health & Safety, Quality u Hein Chetcuti, Corporate Services Manager, iffirmaw għan-nom tal-Malta Freeport Terminals Limited. Attendew ukoll James Briffa u Reno Bugeja, rappreżentanti tax-Shift Leaders.