fbpx

Il-MUMN tkompli tisserva mill-Gvern

Il-UĦM Voice of the Workers tosserva, bl-aktar mod ċar, li l-Union Maltija għall-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) qed tħalli lill-Gvern ikompli jużaha sabiex tkompli tipprova tkisser ix-xogħol li din il-union u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed jagħmlu f’isem il-ħaddiema – il-ħarsien tal-interessi tagħhom.

Deher biċ-ċar li l-MUMN diġa’ iffirmat ftehim mal-Gvern iżda ħadd ma jaf x’iffirmat, qatt ma pubblikat x’iffirmat u qatt ma nfurmat lill-membri tagħha. Il-MUMN hi kapaċi tibgħat numru ta’ memos biex tinstiga l-firda fost il-ħaddiema u tipprova tiġbed lejha l-membri ta’ ħaddieħor, inkluż it-tobba. Iżda ma kinitx kapaċi tinforma lil dawk li diġa’ huma membri tagħha x’iffirmat f’Awwissu li għadda. Il-MUMN għadha qed iżżomm dan kollu sigriet, avolja ġiet mistoqsija kemm-il darba x’iffirmat, x’hemm differenti minn dak li għandha l-UĦM u x’taf iżjed milli taf din il-union. Imma l-MUMN ma tridx tissostanzja bit-tweġibiet  tagħha.

Il-UĦM Voice of the Workers tirrimarka li  jekk il-MUMN iffirmat xi ħaġa u ma tridx turiha, allura għandha x’taħbi. Is-saga ta’ dan il-Gvern tissokta għal darb’oħra għax ma jridx juri xi ftehim għamel u x’effetti għandu fuq il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.

Jekk il-ħaddiema huma mbeżżgħin, żgur li mhumiex imwerwrin bil-MAM  jew bil-UĦM. Huma qed jirrikorru għand il-MAM u għand il-UĦM u huma t-tnejn qed jitolbu l-protezzjoni tal-ħaddiema sabiex l-interessi tagħhom ikunu mħarsa. Jekk il-MAM u l-UĦM ma  jkollhomx l-appoġġ tal-membri, allura huma jkunu l-aħħar żewġ unions li jistgħu jissalvagwardjaw id-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema. Jekk jiġri hekk, ma jkun jifdal ħadd li jkun jista’ jagħmel dan.

Fis-suq tax-xogħol Malti, il-UĦM Voice of the Workers qatt ma rat andament ta’ tkissir u ta’ reazzjonijiet bħal dawn daqskemm qed isiru mill-MUMN illum. Il-MUMN hi strument f’idejn il-Gvern biex ifarrak it-trejdunjoniżmu Malti; qed ifarrak is-solidarjeta’ bejn il-ħaddiema Maltin.

Il-UĦM Voice of the Workers tfakkar li hi l-union ta’ kulħadd imma mhix il-union tal-infermieri. U għax l-infermieri fehmu dan, iddeċidew li jidħlu fil-UĦM. Intant din il-union tħabbar li, fil-jiem li ġejjin, se tkun qed tintroduċi servizz ġdid, speċifikament għalihom.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment