Il-UĦM Voice of the Workers ippreżentat proposta għall-aġġustament tal-paga minima lill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fid-Dar Ċentrali, Tal-Pieta’ it-Tnejn 6 ta’ Frar 2017.
L-istess proposta kienet ippreżentata lill-Prim Ministru f’laqgħa li saret fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Belt fil-jiem li għaddew.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti importanza kbira lill-kwistjoni tal-paga minima u l-livell tal-għixien għax din tolqot lin-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Simon Busuttil qal li llum hawn numru ta’ problemi soċjali li wieħed ma jistax ma jagħtix kashom. Dawn jinkludu kwistjonijiet bħall-paga li mhix qed isservi sal-aħħar tax-xahar, il-pensjoni li wkoll mhix qed isservi sal-aħħar tax-xahar kif ukoll il-kwistjoni tal-housing li saret problema soċjali gravi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser li wara li l-Front Kontra l-Faqar ħareġ bi proposti dwar il-paga minima, il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa mill-ewwel u qal li wasal il-mument li l-paga minima tiżdied f’Malta. Dan sabiex in-nies ikunu jistgħu jlaħħqu finanzjarjament sal-aħħar tax-xahar.
Simon Busuttil laqa’ l-impenn tal-UĦM Voice of the Workers fit-tfassil u t-tnedija ta’ din il-proposta filwaqt li żied li l-Partit Nazzjonalista lest li jagħti l-appoġġ tiegħu.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, qal li l-kwistjoni tal-paga minima issa ħadet żvolta differenti u l-union, bħala parteċipanta fil-MCESD, ippreferiet li kieku din il-kwistjoni kienet trattata f’dan l-organu bħala parti mid-djalogu soċjali fil-pajjiż.
Hu qal li lil hinn mill-politika, il-UĦM Voice of the Workers għandha d-dmir u d-dover tagħha li tipprovdi l-aħjar proposta – proposta li tixraq u li tagħti valur lill-ħaddiem fid-dinja tax-xogħol.
Għall-UĦM Voice of the Workers, il-paga minima u l-faqar mhumiex l-istess ħaġa. Filwaqt li l-UĦM qed tippreżenta l-proposta tagħha dwar il-paga minima, ma jfissirx li din hi s-soluzzjoni dwar il-faqar f’Malta. Josef Vella enfasizza dan kollu għax hemm barra qed tiċċirkola l-idea li kif il-problema tal-paga minima tissolva, il-problema tal-faqar ukoll tissolva. “Dan mhux minnu u nkunu qegħdin nidħku bin-nies jekk nippruvaw inwasslu dan it-tip ta’ messaġġ”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Josef Vella fisser li hemm żewġ grupp ta’ ħaddiema: hemm il-ħaddiema li huma membri f’union u hemm ħaddiema li mhumiex imsieħba f’union. Dawk li huma f’union huma koperti bi ftehim kollettivi u parti min-negozjar kollettiv issir sabiex il-pagi u s-salarji jitjiebu. Hawnhekk il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers saħaq li m’hemm ebda ħaddiem imsieħeb fil-union li jitħallas bil-paga minima tax-xogħol li jagħmel.
Għal UĦM Voice of the Workers, dan jindika li meta ħaddiem ikun membru f’union ikun hemm titjib tanġibbli fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Din il-union ukoll qed tgħid li jrid jinstab mekkaniżmu biex id-djalogu soċjali f’Malta jkompli jissaħħaħ. Ma jistax ikun li f’pajjiżna jkollna mekkaniżmu fejn xi ħadd li mhux parteċipi fid-djalogu soċjali jgħolli jdejh u jinsisti biex il-paga minima togħla u sa frattant din togħla. Jekk dan iseħħ mingħajr ma norbtu dawk il-postijiet tax-xogħol li għandhom ftehim kollettiv, ifisser li dan jista’ jġib żbilanċ fir-relattivita’ tal-pagi.
Il-UĦM Voice of the Workers qed tipproponi li tlaqqa’ dawn iż-żewġ aspetti flimkien: jiġifieri li wieħed jidentifika dawk il-ħaddiema f’setturi partikulari li l-paga minima tagħhom trid tiżdied, ix-xogħolijiet li qed jagħmlu, ikunu identifikati wkoll dawk il-ħaddiema u l-postijiet tax-xogħol li huma koperti bil-ftehim kollettivi u tkun ikkalkulata l-medja tas-salarji li qed jaqilgħu dawn il-ħaddiema (minimum weighted average) fuq il-kundizzjonijiet li jkunu qed jiġu negozjati mill-unions kollha. B’riżultat ta’ dan kollu tkun tista’ tinħareġ il-paga minima minn dawk il-ħaddiema li jkunu qegħdin madwar il-mejda tad-djalogu soċjali.
Josef Vella stqarr li b’hekk ikun qed isir tisħiħ tad-djalogu soċjali u jekk ma jsirx hekk allura d-djalogu soċjali jkun taħt theddida. Hemm soluzzjonijiet li joħorġu madwar il-mejda tan-negozjati u hemm negozjati li jiġu apparti. “Jeħtieġ li nibqgħu magħqudin speċjalment fejn jidħol il-ħaddiem u għandu jsir minn kollox biex is-suq tax-xogħol ma jinqasamx. Jekk jiġri hekk allura tkun telfa għall-ħaddiem,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Preżenti għall-okkażjoni, għan-nom ta’ UĦM Voice of the Workers, kien hemm Jesmond Bonello, Direttur; Edwin Balzan, Assistent Direttur, Gian Paul Gauci, Assistent Direttur u Dr. Philip von Brockdorff, konsulent u rappreżentant tal-union fil-EESC.
Għall-Partit Nazzjonalista kienu preżenti Mario de Marco, Viċi Kap u Shadow Minister għall-Finanzi; Carm Mifsud Bonnici, Kelliem għax-Xogħol, ir-Relazzjonijiet Industrijali u d-Drittijiet tal-Ħaddiema kif ukoll Ivan Castillo, President tas-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN).