Il-UĦM Voice of the Workers qed turi solidarjeta’ u toffri assistenza lill-membri u ħaddiema li huma stazzjonati fl-impjant tal-Wasteserv li jinsab f’Sant Antnin, Marsaskala.
Din il-union tfaħħar il-mod kif ġiet ikkontrollata l-evakwazzjoni bl-għajnuna ta’ diversi impjegati, fosthom membri tal-kumitat tal-UĦM, kif ukoll voluntieri li baqgħu jgħinu fit-tifi tan-nirien. Minn informazzjoni li għandha din il-union, jidher li ħadd ma weġġa’ u l-kumpanija se tagħti leave speċjali lill-ħaddiema sakemm il-post tax-xogħol tagħhom ikun iddikjarat aċċessibbli u ħieles mill-periklu.
Il-UĦM Voice of the Workers tinsab f’kuntatt kontinwu mal-management sabiex tkun aġġornata dwar l-iżviluppi relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.