fbpx

L-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt hi għażla bejn it-tajjeb u l-ħażin

“Nhar is-Sibt irridu nagħmlu għażla – bejn it-tajjeb u  bejn il-ħażin…ejja ma nagħmlux l-iżball li nagħrfu x’inhu t-tajjeb, napprovawh imma ma nsegwuhx…anzi noqogħdu attenti biex nirrikonoxxu dak li hu tajjeb, napprovawh u sussegwentament insegwuh”.

Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, waqt il-programm “Jien Nagħżel Malta” fuq Net Television, nhar il-Ħamis 1 ta’ Ġunju 2017.

Hu qal li din hi elezzjoni bbażata fuq l-avvenimenti marbutin  mal-korruzzjoni. Il-korruzzjoni qed tiekol u taħkem is-setturi kollha fil-pajjiż. Is-settur finanzjarju u l-iGaming huma żewġ oqsma magħqudin flimkien. Josef Vella saħaq li meta l-korruzzjoni tibda tnaqqar u tiekol, il-konsegwenzi tagħha jħallu impatt fuq is-setturi kollha.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li l-ħaddiema b’mod partikulari u  l-poplu  Malti b’mod ġenerali huma inkwetati bis-sitwazzjoni. “M’hawn ebda pajjiż li hu ġenna tal-art u ħieles mill-korruzzjoni…imma meta l-korruzzjoni ssir l-ordni tal-ġurnata, allura s-sitwazzjoni ssir preokkupanti,” sostna Josef Vella.

Hu fisser li meta tattendi fora internazzjonali u tiġi mistoqsija dwar  x’qed jiġri f’Malta, din il-union tisħaq li pajjiżna hi bħal kull pajjiż ieħor:  jekk hemm xi ħadd li hu korrott, ma jfissirx li kulħadd hu korrott.

Josef Vella  qal li rridu nifhmu  l-importanza tal-elezzjoni ta’  nhar is-Sibt li ġej. “Irridu nistaqsu lilna nfusna: se nkunu, bħala poplu qed nissiġillaw il-korruzzjoni, napprovawha u ntuha t-timbru tagħna lkoll b’riżultat li nuru li aħna  korrotti kollha? Jew minflok ngħidu daqshekk u minn  nhar it-Tnejn nibdew nindirizzaw is-sitwazzjoni?”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice  of the Workers żied li hu minnu li hawn  numru ta’ kumpaniji li qed jistennew x’se jiġri. Ara ma naħsbux li din hi xi invenzjoni! Il-UĦM Voice of the Workers iltaqgħet u għadha tiltaqa’ ma’ dawn il-kumpaniji li qed jistennew  ir-riżultat tal-elezzjoni. Dawn se jkunu qed jirreaġixxu fuq id-deċiżjoni li se jkun qed jagħmel il-poplu nhar  is-Sibt.

Josef Vella kompla li din  mhix elezzjoni ta’ proposti; l-imsieħba soċjali ġew imċaħħdin milli jiddiskutu mal-partiti politiċi  dwar il-proposti meħtieġa għall-ekonomija ta’  dan il-pajjiż. Imma fid-dawl tal-kriżi istituzzjonali li għandna, kollox ġie abbandunat. F’kampanji elettorali preċedenti, il-media kienet tirrapporta laqgħat bejn  il-Gvern u l-imsieħba soċjali kif ukoll irrapportat il-proposti tal-istess imsieħba soċjali. Dan kollu sparixxa.

Dwar il-governanza tajba u l-meritokrazija, Josef Vella jikkunsidrahom bħala l-pedament tas-soċjeta’ u tad-dinja tax-xogħol tagħna. “Jekk ma jkollokx governanza tajba fil-pajjiż, jikkrolla kollox”, sostna Josef Vella filwaqt li żied li “jekk ma nimxux b’sistema ta’  meritokrazija allura nkunu qed nibnu fuq it-tafal”. Il-governanza tajba u l-meritokrazija mhux biss huma importanti imma huma fundamentali.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment