“Minn saltna tad-dritt, qed nesperjenzaw saltna tal-biżgħa u se niġu f’sitwazzjoni fejn l-omerta’ tirrenja”. Kliem Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, waqt laqgħa tal-Bord Eżekuttiv tal-union li tlaqqa’ l-Ġimgħa 20 ta’ Ottubru. L-aġenda tal-laqgħa suppost kellha tkun ir-reazzjoni tal-UĦM Voice of the Workers għall-Budget 2018. Imma l-union kienet tkun insensittiva li kieku ma tirreaġixxix għall-ġrajja li kexkxet lil kulħadd: l-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia nhar it-Tnejn 16 ta’ Ottubru 2017.
Fid-dawl ta’ dan il-qtil makabru li laqatna fil-laħam il-ħaj, wieħed donnu qed jibda joqgħod pass lura milli jikkritika u jsemma’ leħnu. Josef Vella qal li, għall-kuntrarju, għandna l-obbligu li nieqfu u naħsbu li dak li qed jiġri fil-pajjiż, b’xi mod, qed iħalli impatt fuq livell individwali u fuq livell internazzjonali. Qed iħalli effett ukoll fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fakkar li dan il-pajjiż iġġieled għall-independenza, għad-demokrazija u għal-liberta’. Il-problema hi li lkoll kemm aħna ħaddna l-liberta’ u d-demokrazija for granted. “Naħseb li demokratikament se nitilfu d-demokrazija u b’mod liberu se nitilfu l-liberta’”, sostna Josef Vella.
Hu jemmen li qed nagħmlu dan b’għażla tagħna stess għax dan in-nazzjon, b’xi mod, se jitlef l-identita’ tiegħu. “Filwaqt li qed inbiegħu l-identita’ tagħna lill-barranin għal miljuni ta’ ewro, fl-istess waqt qed nitilfu l-identita’ li tagħmilna Maltin”, kompla Josef Vella.
Din mhix sitwazzjoni ta’ partit politiku li b’xi mod ħa f’idejh ir-riedni tal-pajjiż jew għax kien hemm xi kolp ta’ stat, imma qed nitkellmu dwar demokrazija li min qed imexxi tela’ b’mod demokratiku.
Il-UĦM Voice of the Workers kienet preżenti fil-protesti nazzjonali li kienu organizzati u kienet hemm biex semmgħet il-vuċi tagħha li l-pajjiż ma jimxix biss bil-flus imma bil-kwalita’ tal-ħajja. X’fiha li jkollok familja u timliha bil-flus meta mhix qed tgħix kwalita’ ta’ ħajja tajba? Is-sabiħ tal-ħajja hu li l-flus ikunu parti jew ingredjent wieħed. “Nippreferi li nkun bla flus imma jkolli kwalità tal-ħajja milli nkun mimli flus iżda nieqes minn kwalita’ tal-ħajja”, sostna Josef Vella.
Il-pajjiżi barranin qed jitkellmu dwarna u jekk tħares lejn dak biss u tieqaf hemm tgħid li aħna stess lanqas qed nirrealizzaw kemm is-sitwazzjoni hi gravi. “Biex irnexxielna nkunu fl-ewwel paġni ta’ ġurnali prominenti barranin, allura qed tiġri xi ħaġa ħażina,”saħaq il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers. Il-mistoqsija hi kif se nirreaġixxu għal din is-sitwazzjoni.
Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers se tkun qed tieħu sehem fid-dimostrazzjoni nazzjonali organizzata mis-Civil Society Network minn fejn Bieb il-Belt nhar il-Ħadd 22 ta’ Ottubru fl-4 p.m. Il-UĦM Voice of the Workers kienet niżlet tipprotesta meta ħasset li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma kinux qed iġibu ruħhom bħala tali. “Aħna nżilna meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma kienx qed jiffunzjona tajjeb f’pajjiż demokratiku; aħna nżilna, ikkritikajna u tlabna r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija għax konna qed inħossu li l-affarijiet ma kinux qed jimxu sew. Issa, iżjed u iżjed, inħoss li għandna l-obbligu li nkunu preżenti u nniżżlu n-nies magħna”, enfasizza Josef Vella.
Din mhix kwistjoni ta’ partit jew ieħor…mhix kwistjoni ta’ Nazzjonalisti u Laburisti. Dan hu, forsi, l-aħħar ċans bħala nazzjon biex almenu nuru li aħna m’aħniex qed inpoġġu t-timbru tagħna fuq dak li qed jiġri. Mhux aċċettabbli li min jitkellem dwar il-verita’ jiġi eliminat. “Jekk infallu milli nibgħatu messaġġ xieraq hemm barra, li aħna bħala poplu ma naċċettawx dawn is-sitwazzjonijiet, allura jista’ jkun se nkomplu nitgerbu fin-niżla li neżlin fiha”, saħaq il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Il-problema hi tali li kważi ma ssibx il-kliem biex tispjega x’jista’ jiġri minn hawn ‘il quddiem. Din mhix biss kwistjoni dwar x’se jiġri mis-surplus tagħna, imma din hi kwistjoni li l-pajjiż għandu bżonn jara li l-istituzzjonijiet tiegħu jaħdmu bla biża’. Il-mument li ħadd ma jġib ruħu bħala istituzzjoni indipendenti u l-mument li kulħadd irid jirċievi d-direzzjoni għax mingħajrha ma jimxix, allura nistgħu ngħidu li l-indipendenza tal-istituzzjonijiet tkun intilfet. “U hi mitlufa,”sostna Josef Vella filwaqt li żied “li ma rridux ngħidu li nistgħu nkunu f’qagħda ħażina għax diġa’ ninsabu ħażin biżżejjed”.
Hu appella biex ilkoll kemm aħna nkunu preżenti għad-dimostrazzjoni nazzjonali tal-Ħadd. Wieħed irid jistaqsi lilu nnifsu: jien bħala individwu x’nista’ nagħmel? Se nibqa’ nara lill-ġar tiegħi jipprotesta u jien nibqa’ id-dar? Għandna l-obbligu li nagħmlu dan b’saħħa u bi preżenza kbira għax irridu nwasslu messaġġ lil hinn minn pajjiżna. Il-UĦM Voice of the Workers trid twassal messaġġ li mhux kollox jgħaddi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers reġa’ irrefera għad-dimostrazzjoni nazzjonali li se tkun qed titlaqqa’ nhar il-Ħadd. Josef Vella qal li r-rivista elettronika Voice of the Workers ddedikat l-editorjal ta’ din il-ġimgħa appuntu dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda dan mhux biżżejjed u l-attivita’ ta’ nhar il-Ħadd hi opportunita’ biex insemmgħu leħinna bħala Maltin u Għawdxin.
“Din is-sitwazzjoni titlob l-għajta ta’ poplu wieħed u ma tistax titħalla f’idejn il-politiċi; din is-sitwazzjoni hi bla preċedent u titlob li ċ-ċittadini ta’ rieda tajba f’dan il-pajjiż għandhom l-obbligu li juru li dan mhux aċċettabbli…jekk ma nagħtux kas allura nkunu demokratikament qed nitilfu d-demokrazija u b’mod liberu nitilfu l-liberta’,” temm Josef Vella.