“Il-ħaddiema huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija”. Kliem id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, kandidat għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit, f’laqgħa li kellu mal-uffiċjali ta’ UĦM Voice of the Workers fil-Head Office tal-UĦM, il-Furjana l-Ġimgħa 3 ta’ Novembru 2017.
Għal Toni Bezzina, il-UĦM hi t-tieni dar tiegħu u stqarr li l-ħaddiema huma l-qalba tas-soċjeta’ Maltija. Hu qal li qabel ma sar Perit kien jaħdem ma’ Transport Malta u kellu x-xorti li jkun membru tal-UĦM. Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-UĦM dejjem kienet u għadha union attiva filwaqt li taħdem għall-ġid tal-ħaddiema.
“Il-ħaddiema huma għall-qalbi…missieri kien ħaddiem, jien ħaddiem u għadni ħaddiem u allura ma nistax ma nirrikonoxxix ix-xogħol kbir li tagħmel il-union b’risq il-ħaddiema,”sostna d-Deputat Nazzjonalista.
Toni Bezzina qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-UĦM Voice of the Workers qed tikber fis-sehem tagħha biex tgħin lill-ħaddiema. Hu jħossu parti integrali mill-union filwaqt li ħeġġeġ lill-uffiċjali tal-UĦM sabiex ikomplu jistinkaw għall-interessi tal-ħaddiema. Fakkar li l-ħaddiema jibqgħu s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN żied li l-UĦM Voice of the Workers trid tkun union li ssemma’ leħen il-ħaddiem. Hu rrefera għall-Konferenza Ġenerali tal-UĦM li saret f’Diċembru 2015 meta wara bidliet fl-istatut, isem il-union inbidel għal UĦM Voice of the Workers. “Il-kliem Voice of the Workers jixhdu r-rwol tal-union – li tirrapreżenta u tkun il-vuċi tal-ħaddiema,” sostna l-Perit Bezzina.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, stqarr li l-union taħdem mill-qrib mal-Perit Bezzina, kemm mill-aspett politiku kif ukoll mill-aspett professjonali peress li l-Perit Bezzina hu l-perit tal-union. Għaldaqstant ir-relazzjoni bejn iż-żewġ naħat hi waħda reċiproka u kontinwa.
Filwaqt li awguralu għall-kandidatura tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fisser li l-union qiegħda hemm biex toffri servizz lill-membri tagħha u biex tkun parteċipi fid-dinja tax-xogħol.