Il-UĦM Voice of the Workers, b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Mistoqsijiet tal-Ħaddiema (EZA), organizzat seminar ta’ jumejn dwar il-kontribut ta’ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-avveniment sar fil-Lukanda Cavalieri, San Ġiljan bejn il-Ħamis 23 u l-Ġimgħa 24 ta’ Novembru 2017.
Fl-introduzzjoni ta’ dan is-seminar, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, stqarr, fost oħrajn, li d-dinja ġdida tax-xogħol qed tagħti lok għal opportunitajiet ġodda. In-nies għandhom ikunu kapaċi li jisfruttawhom u jħossuhom protetti f’kull impjieg li jkunu. Dan hu l-ħsieb wara l-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali. Josef Vella qal li għandu jkun assigurat li s-sistemi tal-ħarsien soċjali jkunu sostenibbli, adekwati u ġusti. Dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun b’saħħitha, hi kruċjali għall-ġejjieni tagħha.
Fis-sessjoni tal-Ħamis, tkellmu diversi kelliema, fosthom, ir-Rev. Emmanuel Agius, id-Dekan tal-Fakulta’ tat-Tejoloġija fl-Universita’ ta’ Malta u membru fil-Grupp Ewropew tal-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda. Ir-Rev. Agius iddiskuta l-pożizzjoni tal-Knisja dwar il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali. Il-Knisja f’Malta tinkoraġġixxi lill-UE u lill-istati membri tagħha sabiex il-ftehim li ġie ffirmat f’Gothenburg, l-Iżvezja fis-17 ta’ Novembru 2017 ikun tradott f’azzjonijiet konkreti bl-involviment tal-imsieħba kollha sabiex jinħoloq suq intern aktar ġust, għal aktar Ewropa soċjali u għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha fl-UE.
Oliver Roepke, membru tal-Grupp tal-Ħaddiema fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) tkellem dwar il-pożizzjoni u l-kontribut tal-EESC fil-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali. Il-EESC tqis il-Pilastru bħala wieħed importanti għall-UE sabiex jinstab kunsens ġdid dwar kif id-dimensjoni soċjali għandha tissaħħaħ.
L-Ewro Parlamentari Nazzjonalista David Casa tkellem dwar kif il-Pilastru Soċjali Ewropew jista’ jirrifletti realta’ ġdida fl-Ewropa.
Prof. Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakulta’ għall-Ħarsien Soċjali u Dr. Anna Borg, id-Direttur taċ-Ċentru dwar l-Istudji tax-Xogħol fl-Universita’ ta’ Malta, trattaw l-aspett edukattiv u kwistjonijiet marbutin max-xogħol rispettivament.
Fi tmiem is-sessjoni tal-Ħamis, il-UĦM Voice of the Workers tat ħjiel ta’ proġett li qed jitħejja bl-għajnuna tal-kumpanija ICON Studios Limited. Il-qofol ta’ dan il-proġett hu sabiex il-kuntratti tax-xogħol ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq l-internet.
Is-sessjoni tal-Ġimgħa bdiet b’round-table conference li t-tema tagħha kienet dwar il-pensjonijiet. Għal din il-konferenza ħadu sehem Dr. Philip von Brockdorff, konsulent tal-UĦM u membru fil-EESC; David Spiteri Gingell, konsulent dwar il-pensjonijiet; il-Ministru Evarist Bartolo u d-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia.
Sussegwentament, l-Ewro Parlamentari Laburista u eks Prim Ministru Alfred Sant għamel diskors dwar l-iżvilupp tal-Politika Soċjali Ewropea filwaqt li l-Prof. Josef Pacolet, fid-diskors tiegħu, argumenta l-utilita’ tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali llum u fis-snin li ġejjin.
Is-seminar intemm b’eżerċizzju fit-team-building bl-għajnuna ta’ Michael Fenech u Ann Fenech minn Ideas Alive.
Aqra r-rapport dettaljat dwar dan is-seminar fil-ħarġa li jmiss ta’ Voice of the Workers.