Il-ħaddiema fi ħdan il-Caritas se jibbenefikaw minn salarji u kundizzjonijiet aħjar wara ftehim kollettiv li ġie ffirmat fil-jiem li għaddew minn UĦM Voice of the Workers u l-istituzzjoni tal-Knisja li taħdem qatigħ biex tippromwovi l-iżvilupp tal-bniedem u l-ġustizzja soċjali.
Dan il-ftehim ġie spjegat u approvat mill-maġġoranza tal-ħaddiema f’laqgħa li saret ftit ġranet qabel l-iffirmar.
It-Taqsima Edukazzjoni u Kura fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers tinsab sodisfatta li l-livell ta’ diskussjonijiet u negozjati li saru mal-management tal-Caritas issarraf f’dan il-ftehim kollettiv ġdid li se jwassal għal żieda fil-ħlasijiet lill-ħaddiema.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv kien hemm Mario Sacco u Isabelle Farrugia, Employment Relations Senior Manager u Employment Relations Manager rispettivament kif ukoll Reuben Degabriele, Employment Relations Representative – ilkoll fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers.
Il-firmatarji għan-nom tal-Caritas kienu Leonid McKay, Direttur; Patrick Harvey, Direttur tal-HR u Ritianne Cassar, Financial Controller.
Il-ftehim kollettiv ikopri l-perijodu 2017-2020.