fbpx

Il-flessibbilta’ hi l-fus biex jissaħħaħ il-bilanċ tal-ħajja max-xogħol

“Il-flessibbilta’ biss tista’ ittejjeb ir-realta’ moderna fil-qasam  tax-xogħol”. Dan qalu Josef Vella,  il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ffirmat ftehim kollettiv  għall-ħaddiema fl-amministrazzjoni u dawk klerikali tal-Kulleġġ Malti għall-Arti,  ix-Xjenza  u t-Teknoloġija (MCAST).

Hu qal li dan il-ftehim kollettiv jagħmel parti minn sensiela ta’ ftehim kollettivi oħrajn li ġew iffirmati u oħrajn li qed taħdem fuqhom din  il-union. Josef Vella stqarr li l-attitudni tal-UĦM madwar  il-mejda se tibqa’, attitudni fejn il-union dejjem tiġi ppreparata u li tinnegozja mhux f’sens konfrontali imma fejn iż-żewġ partijiet jimmiraw għall-istess direzzjoni.

“Jalla dan il-ftehim kollettiv ikun strument ta’ kif wieħed jasal għall-objettivi tiegħu”, sostna Josef Vella filwaqt li żied li “hu r-rwol tal-union li tieħu ħsieb lill-ħaddiem li qed jagħti sehemu fil-post  tax-xogħol”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers irringrazzja lill-management tal-MCAST, lil Jesmond Bonello u lil Isabelle Farrugia, Direttur u Employment Relation Manager rispettivament  fi ħdan il-UĦM. Ringrazzjament speċjali ngħata lil Alex Wright, Employment Relations Representative, li kellu sehem importanti fin-negozjati, kif ukoll għax dan il-ftehim kollettiv, bħal oħrajn li saru fil-passat, hu l-aħħar wieħed li fih ta impenn kbir. “Nirringrazzjak tax-xogħol siewi li għamilt b’dedikazzjoni, b’altruwiżmu u b’sens ta’ servizz lejn il-ħaddiema kollha li tirrapreżenta”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara li kien imfakkar proprju f’din l-okkażjoni, Josef Vella fisser li f’dan il-ftehim kollettiv hemm kundizzjonijiet li jagħmlu provvediment b’risq il-ħaddiema nisa. Hu qal li fid-dinja tax-xogħol hemm barra, il-UĦM Voice of the Workers qed tagħmel minn kollox biex iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa. “Importanti li nagħmlu dan għall-ekonomija tal-pajjiż imma aktar importanti hu li filwaqt li qed inżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa, xi  ħadd irid jieħu ħsieb il-familji u l-ulied”, sostna Josef Vella. Għaldaqstant il-flessibbilta’ fil-post  tax-xogħol dejjem se tibqa’ esiġenza  importanti biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-produttivita’ kif ukoll il-bilanċ tal-ħajja max-xogħol. Dan għax il-familja hi ċellola importanti ħafna u li jekk ma niħdux ħsiebha l-pedament ta’ dik li trid tkun il-ħidma tagħna biex l-ekonomija titjieb, tispiċċa biex tiġi eradikata.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers tkellem  dwar l-importanza li wieħed jara x’qed  jiġri fid-dinja tax-xogħol u hi biss il-flessibbilta’ li tista’ ittejjeb din  ir-realta’. Hu rrefera għall-pajjiżi fit-Tramuntana tal-Ewropa u għall-istatistika tax-xogħol tagħhom fejn l-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi żviluppat b’żieda ta’ part-timers. Hu qal li l-missirijiet u ommijiet jiddeċiedu li xi ħadd minnhom jaqleb għal xogħol part-time. B’dan il-mod xorta waħda tiżdied il-produttivita’ fl-ekonomija u fl-istess ħin  il-koppja tkun ingħatat l-opportunita’ li tieħu ħsieb ir-responsabbilta’  tagħha mhux biss lejn il-post tax-xogħol imma  lejn  il-familja tagħha.

“Bla dubju l-MCAST hu post tax-xogħol fejn il-family friendly measures jingħataw importanza….tajjeb li postijiet tax-xogħol oħrajn jikkupjaw l-eżempju tal-MCAST”, temm jgħid Josef Vella.

Evarist Bartolo, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, stqarr li s-suċċess ta’  istituzzjoni edukattiva ma  tiddependix biss mill-kwalita’ tat-tagħlim, mill-kwalita’ tar-riċerka jew mill-programmi li toffri. Hu qal li tiddependi wkoll mill-qasam amministrattiv, klerikali u appoġġ ieħor  li jingħata. Il-Ministru Bartolo stqarr li mhux l-ewwel darba li l-esperjenza  tal-istudenti tiddependi minn dan is-servizz għax huma jiġu f’kuntatt kontinwu max-xogħol li jsir.

Fl-okkażjoni  ta’ Jum il-Mara, il-Ministru Bartolo qal li rridu naffaċċjaw l-isfida tad-diskrepanza bejn is-salarji li jaqilgħu l-irġiel u dawk li jaqilgħu n-nisa – il-gender pay gap. Hu qal li l-Gvern  jinsab lest li jidħol għal din l-isfida u saħaq li mhux aċċettabbli li n-nisa jitħallsu inqas għall-istess xogħol li jagħmlu l-irġiel.

Il-Ministru Bartolo stqarr li hawn oqsma fejn l-irġiel u  n-nisa jitħallsu l-istess imma hemm postijiet tax-xogħol fejn il-gender pay gap għadha  teżisti. Il-Gvern irid jindirizza d-diskrepanza fil-pagi – diskrepanza li hi inqas mill-medja Ewropea. Kwistjoni oħra li trid tiġi indirizzata mill-Gvern hi li aktar  nisa jidħlu f’postijiet ta’ tmexxija.

Evarist Bartolo appella lil UĦM Voice of the Workers sabiex taħseb fl-iżvilupp professjonali tal-membri li tħaddan. “Hemm bżonn niżviluppaw il-ħiliet biex naffaċċjaw ir-realtajiet  kumplessi tal-lum”, żied jgħid il-Ministru Bartolo.

Silvio Debono, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST qal li kull ftehim kollettiv huwa importanti u f’dan il-każ, ftehim għall-gradi kollha amministrattivi u klerikali, huwa kruċjali. Hu qal li mingħajr l-impenn u d-dedikazzjoni tal-gradi amministrattivi kollha, istituzzjoni edukattiva bħalma hi l-MCAST ma tistax teżisti. “Jekk hawn xi ħadd li jaħseb li istituzzjoni edukattiva teżisti biss bl-edukaturi huwa żbaljat għax il-ħaddiema fl-amministrazzjoni u dawk klerikali huma importanti sabiex it-tagħlim ikun suċċess”, sostna Silvio Debono. Hu stqarr li l-ftehim kollettiv mal-UĦM Voice of the Workers huwa importanti u kemm ilha mwaqqfa l-MCAST, dan huwa l-aħjar ftehim kollettiv għall-gradi amministrattivi.

Silvio Debono qal li l-MCAST u l-UĦM  irnexxielhom itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol mhux biss dawk finanzjarji imma wkoll dawk ġenerali. Hu awgura li r-relazzjonijiet tajbin li jeżistu bejn il-UĦM  u l-MCAST jissoktaw. Fil-passat  ir-relazzjoni tal-MCAST mal-uffiċjali tal-UĦM kif ukoll ix-shop stewards tal-union kienet waħda eċċellenti. “Tant hemm realizzazzjoni u tant hemm rappreżentanti fil-union  li jħobbu lill-MCAST li meta jiġu jitkellmu, jitħaddtu b’impenn sabiex l-affarijiet imorru aħjar”, kompla Silvio Debono. Hu qal li dan wera maturita’ fid-diskussjonijiet u ż-żewġ naħat waslu għax it-tnejn emmnu li hemm organizzazzjoni waħda u jridu jaraw kif se jsaħħu r-relazzjonijiet  ta’ bejniethom.

Hu qal li dan il-ftehim jawgura għal aktar ftehim. Silvio Debono stqarr li ftehim kollettiv tajjeb huwa dak li jagħti gwida iżda finalment huma n-nies li jħaddmuh u japplikawh fil-prattika.

Stephen Cachia, il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST qal li dan il-ftehim kollettiv ikopri l-Administrative u s-Support Staff  tal-MCAST, ħaddiema li jaħdmu wara l-kwinti imma li mingħajrhom l-esperjenza edukattiva li tingħata lill-istudenti ma  tkunx possibbli. Dawn il-ħaddiema jagħmlu ħafna xogħol b’dedikazzjoni kbira biex jagħtu appoġġ lill-edukaturi fix-xogħol tagħhom mal-istudenti. Hu stqarr li permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv il-ġdid, dawn il-ħaddiema se jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, fosthom ħinijiet aktar  flessibbli u salarji  aħjar.

Preżenti għall-okkażjoni kien hemm Jesmond Bonello, Direttur; Isabelle Farrugia, Employment Relations Manager u Alex Wright, Employment Relations Representative rispettivament għan-nom ta’ UĦM  Voice of the Workers; Frank Fabri, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol; kif  ukoll Josephine Abdilla, Direttur tar-Riżorsi Umani, Vince  Maione,  Viċi Prinċipal u Pierre Sammut, Financial Controller rispettivament għan-nom tal-MCAST.

 

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment