Il-UĦM Voice of the Workers, it-Tnejn 15 ta’ Ottubru, reġgħet daħlet fis-seħħ id-direttivi li kienu sospiżi fil-konfront tal-ħaddiema tal-kuntrattur abbord il-vapuri tal-Gozo Channel. Il-Cabin Attendants qed jintalbu ma jnaddfux it-toilets ta’ fuq il-vapur u l-baħrin qed jintalbu biex ma jorbtux il-vapur mal-moll u lanqas ma jinżlu fil-garaxx.
Dawn id-direttivi qed jingħataw fid-dawl li ħaddiema tal-kuntrattur jagħmlu l-istess xogħol għal dak li jagħmlu l-ħaddiema tal-Gozo Channel imma jitħallsu inqas u jaħdmu b’kundizzjonijiet differenti.
Il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni kellha ssir fil-5 ta’ Ottubru, iżda din ġiet ikkanċellata. Sar sforz biex tinstab data oħra iżda dan irriżulta f’nuqqas ta’ qbil. Il-Union insistiet li l-Ħadd 14 ta’ Ottubru kien l-aħħar ċans sabiex tittieħed deċiżjoni u, hekk kif din ma tteħditx, ordnat li d-direttivi jidħlu fis-seħħ mit-Tnejn 15 ta’ Ottubru.
Għalkemm l-intenzjoni tad-direttivi ma kinitx li twaqqaf is-servizz tal-vapur, il-vjaġġi lejn Malta tat-Tnejn filgħodu fis-7 a.m. u fis-7.30am baqgħu ma sarux. Il-vjaġġi ġew miżmuma għaliex proprju llum kien hemm il-maġġoranza tal-ħaddiema li kienu tal-kuntrattur.
Uffiċjali tal-UĦM saħansitra qed joffru li jikkanċellaw l-appuntamenti kollha tagħhom ta’ għada, it-Tlieta 16 ta’ Ottubru, sabiex il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni tkun tista’ ssir bl-iskop li tittieħed deċiżjoni. F’każ li ma jkunx hemm konferma mill-partijiet l-oħrajn, mhux eskluż li d-direttivi jeskalaw.