fbpx

Ordnati azzjonijiet industrijali fid-Dipartiment tat-Taxxa

It-Taqsima Ħaddiema tal-Gvern, fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers, ħabbret li se tkun qed tordna azzjonijiet industrijali lill-ħaddiema li jaħdmu fid-Dipartiment tat-Taxxa b’seħħ minn nhar it-Tnejn 5 ta’ Novembru. Il-ħaddiema jinkludu dawk li jaħdmu fit-Tax Compliance Unit (TCU), accountants, revenue officers u VAT inspectors.

It-Taqsima waslet għal din id-deċiżjoni minħabba dewmien esaġerat min-naħa tal-amministrazzjoni kif ukoll min-naħa tal-Industrial Relations Unit (IRU) sabiex jiġu konklużi d-diskussjonijiet rigward il-proposti mressqa dwar il-ftehim settorali. It-Taqsima wkoll ordnat dawn l-azzjonijiet biex turi d-diżappunt kbir tagħha għall-mod kif qed jiġu trattati n-negozjati fil-konfront ta’ dawn il-ħaddiema fi ħdan id-Dipartiment.

Il-UĦM Voice of the Workers stinkat sabiex din is-sitwazzjoni tiġi solvuta madwar il-mejda tan-negozjati. Imma t-tkaxkir tas-saqajn min-naħa tal-amministrazzjoni fi ħdan id-Dipartiment wasslet biex din it-Taqsima tordna l- azzjonijiet industrijali.

Għaldaqstant, it-Taqsima ikkomunikat mas-Segretarju Permanenti kif ukoll mal-IRU li, b’seħħ minn nhar it-Tnejn 5 ta’ Novembru 2018, se tkun qed tagħti diversi direttivi lill-ħaddiema li jaħdmu f’dan id-Dipartiment. Id-direttivi jikkonsistu li ma jsir ebda tip ta’ kommunikazzjoni bħal emails, ittri, komunikati bil-mowbajl, bit-telefonija fissa, ma jintbagħtux faxes, ma jsirux komunikati bil-pagers, ma jsirux fotokopji, ma jsirux laqgħat mal-pubbliku kif ukoll  ma jsirx ipproċessar ta’ kontijiet u aġġustament ta’ stimi.

Din it-Taqsima ma teskludix li tħarrax dawn l-azzjonijiet kemm il-darba ma tingħatax l-attenzjoni meħtieġa lil din is-sitwazzjoni u f’każ li l-amministrazzjoni tonqos milli tiġi bi proposti serji.

 

 

 

 

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment