fbpx

Kwistjonijiet nazzjonali u Ewropej diskussi f’laqgħa mal-Kandidat Laburista Alfred Sant

F’laqgħa li l-UĦM Voice of the Workers kellha mal-Kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Alfred Sant, kienu diskussi diversi suġġetti li l-union tħoss li qed iqajmu tħassib illum u fiż-żmien li ġej.

Fl-introduzzjoni tiegħu, Alfred Sant fisser li qed jiltaqa’ mal-unions u l-korpi kostitwiti kollha sabiex jaqsam magħhom il-prijoritajiet tiegħu kif ukoll jisma’ mingħandhom il-ħsibijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Unjoni Ewropea.

Hu qal li l-prijorita’ tiegħu hi li fil-Parlament Ewropew jitkellem b’vuċi li tkun waħda nazzjonali. Fuq kollox hu jixtieq jaċċenna fuq il-fatt li jkun hemm Ewropa soċjali peress li matul dawn l-aħħar 10 snin l-affarijiet ma mxewx tajjeb. Alfred Sant irid li jkun hemm iżjed impenn biex jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjali tal-popli Ewropej, il-qgħad ikun trattat bis-serjeta’ u biex il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jmorru għall-aħjar.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, wera  tħassib li qed jiġu ħaddiema barranin low-skilled li jaċċettaw kundizzjonijiet li għall-union huma inaċċettabbli. Din hija theddida diretta fuq in-negozjar kollettiv tal-unions.

Il-UĦM Voice of the Workers temmen li l-ekonomija ta’ pajjiżna trid tibbaża ruħha fuq is-servizzi u manifattura ta’ kwalita’. Il-union ma torbotx dan mal-kwantita’ tan-nies imma mal-kwalita’ tal-ħiliet li jista’ jkollhom. Barra  minn hekk, il-ħaddiema barranin – bil-kwantita’ tagħhom – qed joħolqu piż fuq l-infrastruttura tal-pajjiż, partikularment fl-isptarijiet tagħna.

Josef Vella qal li s-suq tax-xogħol tagħna hu bbażat wisq fuq  is-sahra; sabiex il-ħaddiem Malti jkollu take-home-pay diċenti jrid li jew jagħmel xogħol part-time jew jagħmel numru ta’ sigħat bħala sahra.

Hu tkellem dwar min iħaddem fejn uħud jinvestu b’mod tanġibbli imma oħrajn qed jinqdew bis-sitwazzjoni, partikularment fejn jidħlu s-servizzi.

Dr. Alfred Sant fisser  li numru sostanzjali ta’ ħaddiema barranin qed jiddiżlokaw is-suq tax-xogħol: hemm dawk il-ħaddiema fil-high-end jobs li qed jagħmlu xogħlijiet li l-Maltin ma jistgħux jagħmlu, u min-naħa l-oħra hemm dawk il-ħaddiema barranin li qed jagħmlu xogħlijiet li l-Maltin ma  jridux jagħmlu. Il-kandidat Laburista saħaq li l-prekarjat f’pajjiżna baqa’ jiżdied.

Proprju dwar il-prekarjat, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fakkar kif din il-union kienet issuġġeriet li sabiex is-suq tax-xogħol ikun enforzat, jinħoloq portall li fuqu jistgħu jiddaħħlu l-kuntratti tax-xogħol. Dak li l-liġi qed toffrih bħala protezzjoni jkun fil-portall by default u min iħaddem ma jistax iċaqlaq il-parametri jew jagħti inqas minn dak  stabbilit. Fl-aħħar mill-aħħar, ikun  hemm sistema waħda fejn it-templates tal-kuntratti joħorġu mil-liġi. Sfortunatament il-Gvern kellu x-xeħta li jfaħħar l-idea imma baqa’ ma rrealizzahiex. Anki l-employers kienu reżistenti bl-idea.

Matul il-laqgħa tqajjem is-suġġett tad-drittijiet Ewropej. Dr. Philip von Brockdorff, rappreżentant  ta’ UĦM Voice of the Workers fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC), stqarr li l-Gvern qed jagħti permessi għax-xogħol lil numru kbir ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi. Hu fisser li Malta stinkat sabiex ikun  hemm il-Posting of Workers Directive. Dan  sabiex ħaddiema Ewropej, li jiċċaqilqu minn pajjiż għal ieħor fl-Ewropa, ikollhom l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema tal-pajjiż li qed jilqagħhom.

Hu qal li t-tendenza mill-employers, biex jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern  ħalli jinġiebu ħaddiema minn pajjiżi terzi, qed isseħħ sabiex tkun evitata l-Posting of Workers Directive u l-koordinazzjoni fis-sigurta’ soċjali.

Fil-laqgħa ma’ Dr. Alfred Sant,  saret ukoll referenza għas-sħubija fi trade union. Josef Vella spjega li dawk il-ħaddiema li  jinsabu fil-low-income bracket għandhom ikunu membri fi trade union għax huma l-aktar nies li għandhom bżonn protezzjoni. Hu semma wkoll il-free riders li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar fi ftehim kollettiv mingħajr ma jkunu membri f’union. Josef Vella semma l-prinċipju tal-fair-share contribution fejn jekk ħaddiem qed igawdi minn ftehim kollettiv, irid jagħti l-kontribuzzjoni ġusta tiegħu.

Tqajjem is-suġġett tal-pensjonijiet u Dr. Philip von Brockdorff qal li bħalissa għandna kwistjoni mhux biss ta’ sostenibbilta’ imma ta’ adekwatezza tal-pensjonijiet. Il-UĦM Voice of the Workers qed tipproponi li jkun hemm pensjoni tax-xogħol li tkun volontarja u li tkun waħda mill-kundizzjonijiet li tkun negozjata fi ftehim kollettiv. Dr. Sant irrimarka li l-preżenza tal-barranin f’Malta se jkollha impatt fuq il-pensjonijiet.

Il-kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni  tal-Parlament Ewropew irrefera wkoll għas-suġġett  tal-Housing, li huwa topiku fil-Parlament Ewropew. Josef Vella stqarr li l-Housing huwa nieqes mill-politika nazzjonali filwaqt li wieħed irid jevalwa l-fenomenu l-ġdid tas-soċjeta’ tagħna. Hu qal li t-tessut soċjali Malti qed jinbidel u x’konna nifhmu bil-housing soċjali 10 snin ilu mhux neċessarjament huwa l-istess dak li  qed nifhmu llum. Qed niltaqgħu ma’ realtà ġdida fejn nies stabbiliti qed jisseparaw jew jiddivorzjaw u f’daqqa waħda jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ma  jkollhomx biżżejjed flus biex jixtru l-proprjeta’ tagħhom. Hawnhekk wieħed ukoll irid jagħti definizzjoni ġdida ta’ x’inhu housing soċjali. Jesmond Bonello, direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, żied li jekk wieħed iqabbel kemm għoliet il-paga u l-kirja, jsib li hemm żbilanċ enormi.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll Edwin Balzan, Assistent Direttur u Gian  Paul Gauci, Assistent Direttur.

 

 

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment