Illum il-Qorti kkomunikat id-deċiżjoni tal-mandat ta’ inibizzjoni mressaq mill-MUMN fejn din il-union kienet qed tfittex li twaqqaf lill-Gvern milli jibda jew itemm negozjati ta’ ftehim settorali tal-Allied Health Professionals.
Il-mandat instema’ quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u, fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef tenna li l-Qorti qed tiċħad it-talbiet tal-MUMN għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni.
Dan ifisser li l-UĦM Voice of the Workers, b’mod immedjat, se tkun qed tissokta bin-negozjati tagħha għall-ftehim settorali tal-Allied Health Professionals.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti ikkunsidrat ukoll li, permezz ta’ dan il-mandat li pprovat tagħmel il-MUMN, kienu se jiġu affettwati ħażin “għadd kbir ta’ professonjisti…..li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ din it-tilwima u li qed jistennew li jiġi konkluż il-ftehim settorali bit-tama li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jiġi regolat aħjar”.
Għaldaqstant din hija deċiżjoni oħra li tikkonferma kemm il-UĦM Voice of the Workers dejjem aġixxiet fil-parametri tagħha u b’mod professjonali skont il-liġijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet industrijali.