Il-UĦM Voice of the Workers ilha mis-Sajf tinsisti li l-professjonisti impjegati direttament ma’ Steward Health Care għandhom jiġu assorbiti mill-Gvern.
Huwa veru li dawn il-professjonisti qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom spalla ma’ spalla ma’ professjonisti tal-Gvern, jaħdmu fl-istess sala, jaraw l-istess pazjent u saħansitra jilbsu l-istess uniformi.
Iżda meta niġu għall-kundizzjonijiet, dawn għandhom kundizzjonijiet ferm iżjed inferjuri minn ta’ sħabhom. Steward Health Care qed tinsisti li hi mhix marbuta li tħallas l-istess paga u tagħti l-istess kundizzjonijiet għall-istess xogħol li qed jagħmlu il-ħaddiema tal-Gvern. Dan huwa l-abbuż ċar li l-Gvern qed iħalli li jsir fl-isptarijiet tiegħu. Fi kliem ieħor, dan huwa prekarjat ieħor maħluq mill-Gvern.
Il-UĦM Voice of the Workers sa mill-ewwel ġurnata oġġezzjonat fuq dan it-tip ta’ ftehim tal-Public Private Partnership (PPP) u, fil-fatt, hija l-unika union li qatt ma iffirmat ftehim mal-Gvern u mal-entità peress li dan huwa mibni fuq ftehim moħbi u li ħadd ma jaf x’fih.
Intant, unions oħrajn li kienu jafdaw f’dan il-ftehim, ukoll urew it-tħassib tagħhom dwar kemm dan il-ftehim verament qed jissarraf. Fost dawn il-unions insibu l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) li lbieraħ saħansitra talbet lill- Gvern sabiex jieqaf jibgħat flus lil Steward Health Care.
F’dan l-isfond, kif ukoll fid-dawl li hitgawdi mill-maġġoranza tal-professjonisti tas-Saħħa li jaħdmu direttament ma’ Steward, il-UĦM Voice of the Workers qed tisħaq li dawn il-ħaddiema għandhom jiġu assorbiti mill-Gvern. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-professjonisti qed jaqdu dmirhom fis-swali u mal-pazjenti li jaqgħu taħt is-servizz tal-Gvern.
Sal-lum il-Gvern qed jirreżisti l-punt li jassorbi dawn il-ħaddiema u dan meta l-professjonisti impjegati ma’ Steward baqgħu jagħtu l-istess servizz fl-istess sptarijiet.
Sadattant, il-UĦM Voice of the Workers qed twissi lill-Gvern li dan huwa taħwid li ħoloq hu stess u għaldaqstant wasal iż-żmien li jibda jsolvi din il-problema kbira billi jassorbi dawn il-ħaddiema. Jekk il-Gvern jonqos li jagħmel hekk, allura din il-Union se tkun qed tieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji skont il-liġi.