fbpx

Il-ġenituri u persuni vulnerabbli ġew protetti b’direttiva tal-UĦM

Il-UHM Voice of the Workers tinnota b’sodisfazzjon in-numru kbir ta’ ġenituri u nies vulnerabbli membri tal-UĦM li segwew id-direttiva li jibqgħu jaħdmu mid-dar.

Wara li l-Kap taċ-Ċivil irrevoka l-miżura tat-telework, u li allura fissret li kull impjegat fis-Servizz u Settur Pubbliku kellu jirritorna fiżikament fil-post tax-xogħol b’effett mill-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju, il-UĦM ordnat direttiva biex il-ħaddiema li huma ġenituri bi tfal żgħar u ma kellhomx ma’ min iħallu lil uliedhom kif  ukoll persuni vulnerabbli, jibqgħu jaħdmu mid-dar.

Dan fid-dawl li tali deċiżjoni, li ttieħdet fis-Servizz u Settur Pubbliku, kienet se tfisser li peress li l-iskejjel għadhom magħluqa, il-ġenituri li jaħdmu u riedu jirritornaw ix-xogħol ma kellhomx ma’ min iħallu t-tfal. B’hekk kienet se twassal għal deċiżjoni diffiċli li jagħżlu bejn ir-responsabbiltà tal-familja u r-responsabbiltà tax-xogħol.

Dwar persuni vulnerabbli, il-fatt li kien għad hemm risk assessments li ma ġewx attwati u/jew li ma ġewx imfasslin, kien se jpoġġi f’riskju kbir is-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Aktar kmieni din  il-ġimgħa, il-UĦM kienet infurmat lill-Kap taċ-Ċivil b’dawn il-problemi u talbitu biex jindirizzahom. Iżda fin-nuqqas ta’ tweġiba, il-UĦM ordnat direttiva  bl-iskop li tħares l-interessi ta’ dawn il-ħaddiema.

Sadattant, fi ħdan id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, iċċirkola komunikat elettroniku sabiex tinġabar informazzjoni ta’ min  huma dawk il-ġenituri li għandhom bżonn jibqgħu fuq it-telework sa meta jiftħu ċ-Child Care Centres u SkolaSajf. Dan jagħti raġun kemm il-UĦM kienet korretta fil-ħruġ ta’ dawn id-direttivi għax kienet  konxja tat-tħassib ġenwin li kellhom il-ħaddiema milquta.

Wara li ħadet din id-deċizjoni l-UĦM tapprezza li l-bon sens ipprevala.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment