UĦM Voice of the Workers iddikjarat tilwima industrijali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mhux eskluż li jinħarġu direttivi għal azzjoni industrijali. Dan jekk il-maniġment jibda’ jinjora sejħiet għal negozjati fuq kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar tal-professjonisti legali f’din l-entità waqt li qed jgħabbihom b’responsabbiltajiet oħra.
L-Unjin li għandha l-għarfien uffiċjali kienet kostretta tieħu dan il-pass wara li għal xhur sħaħ il-maniġment tal-Uffiċċju kaxkar saqajh biex jibda negozjati fuq ftehim kollettiv ġdid u qed jirrifjuta li jiltaqa’ magħha.
Il-kundizzjonijiet tal-avukati u l-prokuraturi legali f’din l-entità ilhom snin ma jkunu riveduti. Barra minn hekk ir-responsabbiltajiet tagħhom komplew jiżdiedu mill-1 ta’ Ottubru li għadda, meta daħlet fis-seħħ ir-riforma tal-Kummissjoni Venezja li ntroduċiet id-“decision to prosecute”. Dan wassal biex għadd ta’ każijiet li jaqgħu taħt il-Kodiċi Kriminali ma baqgħux iktar fir-responsabbiltà tal-pulizija, imma saru jaqgħu taħt dawn il-professjonisti. Ir-riforma fissret ukoll li dawn l-avukati ser ikunu qed jagħmlu prosekuzzjoni dwar ħafna każijiet fil-Qorti Kriminali li qabel kienu jsiru minn madwar 120 uffiċjal tal-pulizija.
Dan kollu qed iwassal biex avukati li jaħdmu fi ħdan l-Uffiċċju jispiċċaw jirriżenjaw u jfittxu xogħol ieħor. Xhieda ta’ dan hu l-fatt li fl-aħħar sena biss, l-Uffiċċju tilef ħamsa minn 30 avukat. Il-UĦM Voice of the Workers qed titlob ftehim li jiġi konkluż fi żmien qasir sabiex dawn il-ħaddiema jingħataw kundizzjonijiet aħjar u li dan jidħol fis-seħħ mad-data tar-riforma jiġifieri fl-1 t’Ottubru 2020, anke jekk jiġi ffirmat wara.
Il-fatt li l-amministrazzjoni pubblika, la qed tiltaqa’ mal-union u, sa issa, lanqas ressqet kontro-proposti, juri biċ-ċar aġir ta’ indifferenza lejn proċess demokratiku industrijali u l-proċess tad-djalogu soċjali. Dan ma jawgurax tajjeb għal dan l-Uffiċċju u wisq inqas għar-relazzjonijiet industrijali. Kien għalhekk li din il-unjin kellha tirreġistra tilwima industrijali u jista’ jkun li jkollha tieħu azzjonijiet industrijali.
Il-UĦM ma tixtieqx tasal sa dan il-punt għax konxja li dan ikun ta’ detriment fuq xogħol fil-qrati ta’ kompetenza kriminali. Min naħa l-oħra se tibqa’ tinsisti li l-professjonisti fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jkollhom salarji u kundizzjonijiet li mhux biss jattiraw persuni ġodda iżda anke jżommu motivati l-ħaddiema preżenti.