fbpx

Azzjonijiet industrijali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

L-avukati u l-prokuraturi legali fl-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali bdew b’numru ta’ azzjonijiet industrijali wara li l-maniġment irrifjuta li jibda taħditiet fuq ftehim kollettiv.

F’Settembru 2020, il-UĦM Voice of the Workers ingħatat l-għarfien ewlieni ta’ dawn il-professjonisti. Minħabba li qatt ma kienu koperti b’xi ftehim kollettiv, u anke fl-isfond ta’ riforma mitluba mill-Kummissjoni Venezja, il-unjin talbet li minnufih jibdew jiddiskutu sabiex jiġi milħuq ftehim b’pakkett finanzjarju li jirrifletti dan is-suq. Jidher però, li l-maniġment tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jirrifjuta li jinnegozja żidiet għal dawn il-professjonisti. Għaldaqstant fil-bidu ta’ Diċembru, il-UĦM irreġistrat tilwima industrijali u talbet lill-maniġment u l-Gvern biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom. Kienet ta’ sfortuna li din it-talba lanqas ġiet rikonoxxuta u wisq inqas onorata.

Għaldaqstant il-unjin ordnat sensiela ta’ azzjonijiet industrijali li bdew minn nhar il-Ħamis, 14 ta’ Jannar 2021. Dan wassal biex l-avukati u l-prokuraturi legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mhumiex iwettqu numru ta’ funzjonijiet b’rabta mal-irwol tagħhom bħala prosekuzzjoni u xogħol ieħor. Dan jista’ iwassal għan-nuqqas ta’ preżenza tagħhom quddiem il-qrati, jekk jibqa’ ma jintlaħaq l-ebda ftehim.

Mhux eskluż li l-azzjonijiet industrijali jiżdiedu jekk il-maniġment jibqa’ jaġixxi b’dan il-mod. Il-UHM tfakkar li huwa dritt sagrosant imniżżel fil-liġijiet ta’ Malta illi unjin tinnegozja f’isem il-membri u jekk dan jibqa’ ma jseħħx, l-Avukat Ġenerali tkun qiegħda tonqos mir-responsabbiltajiet tagħha hekk imniżżla skont il-liġi.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment