Il-UHM Voice of the Workers għadha kemm kisbet suċċess ieħor fl-isforzi tagħha biex tiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema klerikali li jaħdmu ma’ Signal 8 fi Transport Malta. Din il-kwistjoni bdiet f’Ġunju 2024 meta l-kumpanija Signal 8 rebħet it-tender għall-provvista tas-servizzi, u l-ħaddiema kollha ġew trasferiti taħt Signal 8 minn tliet kuntratturi differenti.
Qabel it-trasferiment, il-ħaddiema kienu jgawdu minn drittijiet differenti skont il-kuntratturi tagħhom, speċjalment fir-rigward tas-sick leave. Żewġ kuntratturi kienu jipprovdu 30 ġurnata sick leave b’paga sħiħa u 30 ġurnata oħra b’nofs paga, filwaqt li kuntrattur ieħor kien joffri biss 15 b’paga sħiħa u 15 b’nofs paga. Wara li l-ħaddiema kollha saru parti minn Signal 8, ġie applikat b’mod uniformi l-minimu ta’ 15-il ġurnata b’paga sħiħa u 15-il ġurnata b’nofs paga, li wassal għal tnaqqis tad-drittijiet għal numru ta’ ħaddiema.
Tilwima u azzjoni tal-UHM
Il-UHM ħadet azzjoni immedjata biex tiddefendi l-interessi tal-ħaddiema u rreġistrat tilwima fuq żewġ punti fundamentali:
Żamma tad-drittijiet eżistenti – Ebda ħaddiem m’għandu jitlef l-ammont ta’ sick leave li diġà kien intitolat għalih.
Uniformità aħjar fil-kundizzjonijiet – Il-ħaddiema kollha għandhom ikunu intitolati għal 30 ġurnata b’paga sħiħa u 30 ġurnata oħra b’nofs paga, peress li huma impjegati taħt kuntrattur wieħed.
F’laqgħa ta’ konċiljazzjoni fid-DIER fit-8 ta’ Novembru 2024, il-UHM ġiet mitluba tipprovdi evidenza biex tikkonferma li kuntratturi preċedenti kienu jagħtu 30 ġurnata full pay u 30 ġurnata half pay. Minkejja li għamlet dan, il-problema baqgħet tkaxkar, u l-UHM il-Ġimgħa li għaddiet kellha tordna direttivi kemm lill-ħaddiema affettwati kif ukoll lill-ħaddiema ta’ Transport Malta bħala solidarjetà ma’ din il-kawża.
Suċċess miksub
Il-ġlieda tal-UHM ħalliet il-frott tagħha! Signal 8 dagħodu ikkonferma li il-ħaddiema kollha se jingħataw drittijiet indaqs għal 30 ġurnata sick leave b’paga sħiħa u 30 ġurnata oħra b’nofs paga. Dan is-suċċess mhux biss jiżgura ġustizzja għall-ħaddiema iżda wkoll jafferma l-irwol tal-UHM bħala tarka tal-ħaddiema u għad-drittijiet tagħom.
Konklużjoni
Dan ir-riżultat hu xhieda ċara ta’ kemm hu neċessarju li l-ħaddiema jkollhom trade union li tassigura l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom. Il-UHM Voice of the Workers tibqa’ determinata li tkompli tiddefendi d-dinjità u d-drittijiet tal-ħaddiema membri tagħha, filwaqt li tippromwovi trattament ugwali.
Il-UHM – għan-nies u mal-ħaddiema, dejjem.