Reazzjoni dwar l-introduzzjoni tal-miscarriage leave

Il-UHM Voice of the Workers tilqa’ l-introduzzjoni tal-miscarriage leave għax b’dan il-mod qed ikun rikonoxxut l-uġigħ emozzjonali li jġib miegħu korriment fit-tqala. Fl-istess ħin tapprezza li dan id-dritt se jkun estiż anke għal dawk li jaħdmu għal rashom. 

Madankollu, il-UHM tinsab diżappuntata li l-Gvern ma nkluda xejn rigward ċirkostanzi oħra simili, bħal bereavement leave f’każ ta’ mewt ta’ tfal taħt l-età, li wkoll kienu parti mid-diskussjonijiet u l-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali.  Dan ifisser li f’każ ta’ korriment il-ġenituri jkunu intitolati għal 7 ijiem leave kull wieħed filwaqt li jekk it-tarbija tkun laħqet twieldet, il-minimu ta’ bereavement leave skond il-liġi tax-xogħol hu ta’  ġurnata waħda biss!

Il-UHM tinsab diżappuntata li l-ammont ta’ ġranet ta’ leave propost huwa ta’ sebat’ ijiem biss meta fid-diskussjonijiet kien il-Gvern stess li ta x’jifhem li l-ammont ser ikun ta’ 10 ijiem.  Barra minn hekk il-ħlas għal dan il-leave għandu jkun wieħed sħiħ skont il-paga tal-individwu għax kif qed ikun propost jista’ jagħti lok li f’ċerta każi l-kumpens għal  bereavement leave se jkun  inqas mill-paga.

Il-UHM temmen li jekk irridu verament nirrikonoxxu d-dinjità umana u s-saħħa mentali tal-ħaddiema, għandna nindirizzaw dawn is-sitwazzjonijiet b’mod sħiħ u mhux parzjali.

Filwaqt li napprezzaw il-pass li sar illum, inħeġġu lill-Gvern jinkludi wkoll dawn l-aspetti f’diskussjonijiet futuri. Il-UHM tibqa’ impenjata li tipparteċipa b’mod attiv fid-diskussjoni sabiex nassiguraw li l-policies dwar il-leave jkunu aktar ġusti, sensittivi u inklussivi.