Il-UĦM tinsab mħassba bl-iżvilupp li seħħ riċenti dwar pompa partikolari tal-petrol li ma tħallitx tnaqqas il-prezz tal-fuel għall-konsumaturi.
It-tħassib jkompli jikber meta ftit siegħat wara r-roħs fil-prezz, jidher li saret pressjoni minn operatur privat sabiex din il-pompa terga’ tirrevedi l-prezzijiet ‘l fuq. Din is-sitwazzjoni wasslet biex membri ta din il-Union isaqsu jekk is-suq tal-petrol u diesel huwiex wieħed liberalizzat, kif jitolobu r-regoli tal-Unjoni Ewropeja, jew inkella suq dominat minn entita’ statali li qed tiddetermina l-prezzijiet lokali minkejja li llum jeżistu operaturi oħra fil-provvista tal-fuel.
Jekk jirriżulta li s-suq qed ikun determinat kif deskritt, allura dan qed imur kontra prinċipju bażiku ta’ suq liberalizzat fejn il-konsumatur jingħata oppurtunita’ ta’ għazla, qed jigi mminnat. Dan huwa prinċipju bażiku f’demokrazija li għandha dmir tipproteġi l-konsumatur.
Joħroġ ċar li din l-għazla ma ġietx rispettata meta pompa tal-petrol ma tħallietx toffri prezz imraħħas. Minflok is-sid ta’ din il-pompa safa taħt pressjoni sabiex jirrevedi lura l-prezz. Fl-isfond ta’ dan, u sabiex jiġi salvagwardjat l-interess tal-konsumaturi u l-membri tagħha, din il-Union qed titlob lill-MCCAA tinvestiga jekk l-azjenda tal-istat li twaqqfet f’Ottubru tal-2014 għandhiex pożizzjoni dominanti fis-suq lokali. Din il-Union temmen li r-regoli ta’ suq ħieles f’pajjiż membru fl-Unjoni Ewropeja għandhom ikunu imħarsa speċjalment meta s-suq joffri possibilita’ ta’ roħs fil-prezz li minnu jistgħu jibbenefikaw l-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Il-UĦM tħeġġeġ lill-Gvern sabiex jindirizza lill-MCESD fejn hemmhekk jispjega kif is-suq tax-xiri taż-żejt f’pajjiżna qed jaħdem u kif il-prezzijiet qed jkunu determinati. Huwa importanti li nifhmu kif dan is-settur huwa regolat u jekk hux qed jaħdem skont regoli tal-Unjoni Ewropeja. Il-Gvern ghandu jfiehem ukoll ir-rwol tal-azjenda tal-istat inkarigata mix- taż-żejt u kemm hawn operaturi oħra li qed jipprovdu petrol u diesel fis-suq lokali. Barra minn hekk, il-Gvern ghandu jispjega kemm isselfet l-Enemed sabiex tibda topera bħala supplier ewlieni u jekk dan is-self kellux effett fuq il-prezz finali tal-petrol u diesel.
Dwar il-hedging agreement eżistenti, tajjeb li l-Gvern ikun ċar sa meta se nkunu marbutin bil-fteħim li hemm bħalissa u jekk dan jorbotx operaturi oħra fis-suq taż-żejt. Il-UĦM issaqsi il-Gvern meta, permezz ta’ Enemed, se jidħol għal hedging agreement ġdid bi prezz imraħħas għal kumplament tas-sena. Waqt li wieħed jirrikonnoxxi li l-ftehim eżistenti ma jistax jinħall sakemm jintemm, mill-banda l-oħra, huwa dmir tal-Enemed u operaturi privati li ma jitilfux żmien sabiex provvisti ġodda taż-żejt jirriflettu r-roħs fil-prezzijiet internazzjonali.
Din il-Union temmen bi sħiħ li din għandha tkun il-linja tad-diskussjoni ġewwa l-MCESD rigward is-suġġett. Waqt li tħeggeg l-Gvern sabiex jilqa’ din it-talba, il-UĦM tisħaq li l-interessi tal-ħaddiema bħala konsumaturi li jgawdu minn roħs tal-prezzijiet tal-petrol u diesel għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox.