fbpx

Ejja nattiraw investituri lokali

Meta fil-laqgħa straordinarja tal-Bord Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers jien għidt li għandna nagħmlu lil Malta bħala hub għall-investiment, kont qed nifhem biex niddiskriminaw bejn investiment u investiment. Iżda fl-istess nifs ma rridux inpoġġu l-piż kollu tal-investiment fuq ċertu industriji li llum qed irendu – jiġifieri s-servizzi finanzjarji u l-iGaming. Dan ifisser li meta jinqala’ xi ħaġa, jekk l-ekonomija u s-setturi kollha jiddependu ħafna minn dak li jipproduċu dawn iż-żewġ setturi, allura dak jista’ jkun ta’ inkwiet. Naħseb li dan hu wieħed mill-punti li din il-union qed tisħaq dwarhom, jiġifieri d-diversifikazzjoni fis-setturi ekonomiċi tal-pajjiż tagħna. Ejja ma nitfgħux kollox f’qoffa waħda!

Meta ngħidu ‘niddiskriminaw’, inkunu qed nirreferu għal diskriminazzjoni bejn investiment u ieħor. Malta qatt ma rrifjutat qamħ u ma nistax nimmaġina lil xi ħadd li jixtieq jinvesti f’pajjiżna u ngħidulu: “le, tinvestix f’Malta”. Imma, hemm investiment u hemm investiment. Hemm investiment li qed juża lil Malta għall-inċentivi li tista’ toffrilu, iżda fil-verita’ ma jsirx investiment fir-riżorsa umana. U hemm investimenti oħrajn li prattikament jiddependu fuq ir-riżorsa umana. Allura aħna rridu nagħmlu din it-tip ta’ diskiriminazzjoni u nieħdu ħsieb dawk il-kumpaniji li ġejjin jinvestu flushom u lesti li jinvestu fil-ħaddiema Maltin. Għandna nagħmlulhom kuraġġ u nkunu ‘pakkett attraenti’ għal dawn it-tipi ta’ investimenti. Jien nagħti piż kbir lil dan it-tip ta’ investiment, għax fl-aħħar mill-aħħar, Malta m’għandhiex riżorsi ħlief ir-riżorsa umana.

U allura meta bniedem ġie u ħoloq investiment imma mhux fir-riżorsa umana, ifisser li iva jista’ jkun qed jipproduċi ġid fl-ekonomija li iżda mhux qed jasal fil-bwiet tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, meta wieħed jinvesti u jagħmel użu mir-riżorsi umani Maltin, parti mill-ġid li qed joħloq żgur li qed jispiċċa direttament fil-bwiet tal-ħaddiema.

Barra minn hekk irridu wkoll nifhmu u nagħmlu distinzjoni bejn dawk l-investimenti li ġejjin kawża tal-globalizzazzjoni, kif ukoll dawk l-investimenti li jinħolqu lokalment. UĦM Voice of the Workers issostni li investimenti li jsiru lokalment irendu iżjed. Forsi dawn ma jiġux b’saħħa f’daqqa minn investiment wieħed, imma jien nippreferi il-ftit minn investituri lokali li jħarsu lejn Malta, mhux biss bħala opportunita’ temporanja, imma jaraw lil pajjiżna bħala l-post jew is-sit tagħhom – pajjiż li fih l-investitur jgħix u jgħajjex il-familja tiegħu. Naħseb li għandna nħarsu lejn dan it-tip ta’ investitur bħala opportunita’ ikbar. Dawk l-azjendi u investituri Maltin, li wħud minnhom ilhom stabbiliti mitt sena jew aktar, rendew ħafna iktar tul il-milja taż-żmien minn dawk l-investimenti msejħa touch and go – jiġu Malta, jieħdu li jistgħu minn pajjiżna, bħal inċentivi fiskali u f’xi ħin, jekk pajjiż ieħor joffrilhom inċentivi aħjar minn tagħna, dawn iħallu kollox u jitilqu minn Malta. U hekk ma ssibhomx u jħalluk lampa stampa! Għaldaqstant hawnhekk irridu nkunu bil-għaqal u, iva ejjew nattiraw kemm jista’ jkun investituri lokali.

UĦM Voice of the Workers tisħaq biex ma nħarsux lejn il-ħolqien tax-xogħol biss mil-lenti tradizzjonali. Għalhekk din il-union titkellem dwar l-importanza tal-koperattivi għax aħna nistgħu nħeġġu anki lill-istess ħaddiema biex jitilqu mill-forma mentis ta’ xogħol biss mal-Gvern, u minflok iż-żgħażagħ tagħna jitħeġġu biex ikunu imprenditorjali f’dak li jagħmlu. Wieħed ukoll jista’ jaqla’ l-għajxien tiegħu mill-koperattivi li minnhom infushom iġibu l-investiment. Ejja nħarsu lejn il-koperattivi bħala mezz ieħor kif wieħed jorganizza l-ħaddiema; ejja ma nibqgħux inħarsu bl-istess lenti u nkunu aktar innovattivi lejn kif inħarsu lejn l-investiment fl-ekonomija.

Ara d-dokument “AN ECONOMY FOR THE PEOPLE” hawnhekk:

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment