fbpx

Ftehim fil-kwistjoni tal-Environmental Health Officers 

L-azzjoni industrijali  li kienet qed issir mill-Environmental Health Officers (EHO) twaqqfet wara li ntlaħaq qbil fil-kwistjoni li kien hemm bejn il-UHM Voice of the Workers u l-Ministeru tas-Saħħa.

It-tilwima kienet bdiet wara li l-Gvern ma onorax aspetti tal-ftehim settorjali ffirmat f’Ottubru tas-sena li għaddiet dwar l-avvanz ta’ dawn l-uffiċjali għal minn grad għall-ieħor. Dan wassal biex fit-3 ta’ Awwissu, il-UHM iddikjarat tilwima industrijali li laqtet l-ipproċessar tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti li għandhom bżonn ċertifikazzjoni apposta, investigazzjonijiet dwar ilmenti fuq ikel u l-ambjent, applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni ta’ stabbilimenti tal-catering, rapporti ta’ kull ġimgħa dwar il-kwalità tal-ilma baħar f’zoni għall-għawm u l-mezzi ta’ komunikazzjoni.

Filwaqt li l-UHM tilqa’ l-ftehim, tinnota li t-tilwima setgħet ġiet solvuta xhur ilu meta ġew ippreżentati diversi soluzzjonijiet lill-Ministeru tas-Saħħa. Għal xi raġuni, il-Gvern irrifjuta kull tentattiv biex jagħmel taħditiet dwar il-kwistjoni u ma ħalla l-ebda għażla ħlief li tkun dikjarata tilwima industrijali. Sfortunatament, kien biss meta l-UHM eskalat il-kwistjoni, li l-ministeru iddeċieda li jagħmel taħditiet.

Waqt laqgħa li saret fid-9 ta’ Awwissu, il-ministeru irrikonoxxa l-ilment tal-UHM li xi EHOs kienu qed jiġu diskriminati, u aċċetta s-soluzzjonijiet li l-union diġà  kienet ressqet ix-xahar li għadda.

Il-UHM Voice of the Workers tittama li minn issa ’l quddiem il-Ministeru tas-Saħħa jkun miftuħ għad-djalogu industrijali biex tkun evitata eskalazzjoni bla bżonn ta’ kwistjonijiet, fl-interess tal-impjegati u tas-servizzi tas-saħħa pubblika b’mod ġenerali.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment