Ftehim Settorali Ġdid għas-Scientific Class

Il-UHM Voice of the Workers il-Tlieta, 25 ta’ Novembru 2025 iffirmat ftehim settorali ġdid għas-Scientific Class li minnu se jgawdu madwar mitt ħaddiem.

Dan il-ftehim se jkun validu għal ħames snin u jirrappreżenta pass il-quddiem għall-ħaddiema f’dan is-settur tax-xjenza. Dan il-ftehim ġie nnegozjat mit-Taqsima tas-Sevvizz Pubbliku tal-UHM.

L-iffirmar sar f’ċerimonja fl-Agriculture Research & Innovation Hub ġewwa l-Għammieri li għaliha kienu preżenti d-Direttur tal-UHM Mario Sacco, il-Manager tat-Taqsima tas-Servizz Pubbliku s-Sur Jonathan De Gabriele, l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali l-Hon Anton Refalo, s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Hon Dr Alicia Bugeja Said kif ukoll is-Segretarju Permanenti s-Sur Sharlo Camilleri u d-Deputy Head, tal-Industrial Relations Unit s-Sur Mario Grixti. Il-benefiċċji mifthema jinkludu:

  • Titjib fl-avvanz tal-karriera.
  • Titjib sostanzjali f’numru ta’ allowances.
  • Introduzzjoni ta’ allowances ġodda.       
  • Introduzzjoni tal-Performance Bonus.                    

Dan il-ftehim huwa rikonoxximent tal-kontribut li jagħtu l-ħaddiema fil-qasam ta’ Xjenza. Il-ftehim settorali li ġie ffirmat jirrifletti l-impenn tal-UHM Voice of the Workers li tibqa’ li tkompli taħdem għat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u rikonoxximent sħiħ lejn kull ħaddiem li jagħmel parti minn din il-Union.

F’isem l-UHM Voice of the Workers, il-ftehim ġie ffirmat mid-Direttur Mario Sacco u l-Employment Relations Manager tat-Taqsima tas-Servizz Pubbliku, Jonathan De Gabriele.

Il-UHM Voice of the Workers tirringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti biex sar dan il-ftehim.