fbpx

Il-UĦM bi Protest Giudizzjarju fuq is-sitwazzjoni fl-Arriva

arriva1Il-UĦM flimkien ma Joseph Sghendo ipprezentat protest ġiudizzjarju kontra il-General Workers Union, l-Arriva Malta Limited, l-Editur tan-news portal inewsmalta.com, l- Editur tal-ġurnal ta’ kulljum l-Orizzont, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u d-Direttur tax-Xogħol u Relazzjonijiet Industrijali.

Dan il-prostest jesponi bir-rispett illi numru kbir ta’ ħaddiema mpjegati mas-soċjeta` protestata Arriva Malta Limited (Arriva) fil-ġimgħat li għaddew irriżenjaw minn membri tal-Union protestata General Workers Union (GWU) u ssieħbu bħala membri tal-Union protestanti Union Ħaddiema Magħqudin (UHM) billi, individwalment iffirmaw ittra ta’ riżenja u bgħatuha lill-GWU, filwaqt illi ittra oħra simili intbagħatet lill-Arriva sabiex jawtorizzaw lill-istess Arriva, bħala prinċipal tagħhom, ma tibqax tnaqqas il-miżata mill-paga tagħhom a favur il-GWU. Ulterjorment, l-istess ħaddiema, b’mod individwali ukoll, bil-kitba, infurmaw lill-Arriva illi mill-paga tagħhom kellha tibda` tinqata` l-miżata tas-sħubija tagħhom fil-UĦM a favur l-istess UĦM.

Irriżulta iżda illi kemm il-GWU u anke l-Arriva ma aċċettawx tali riżenji u qed jeżigu illi kull ħaddiem imur personalment l-uffiċċji tal-GWU sabiex jagħti r-riżenja personalment filwaqt li konsegwentament qed tibqa` tinqata` mill-paga ta’ dawn il-ħaddiema il-mizata a favur il-GWU; dan kontra r-rieda tagħhom. Dan l-aġir kemm tal-GWU u kif ukoll tal-Arriva f’din il-kwistjoni huwa mhux biss illegali iżda tikser id-drittijiet prinċipali u fondamentali tal-ħaddiema membri tal-UĦM kif rappresentati. Huwa nnutat illi ħaddiem għandu dritt jissieħeb f’Union tal-fiduċja tiegħu – iżda daqstant ieħor għandu d-dritt tiegħu illi jirriżenja minn tali Union, jekk ġiustament ikun tilef il-fiduċja tiegħu f’tali Union.

Għaldaqstant ma hemm ebda raġuni valida fil-liġi ghaliex tali riżenji mhux qed jiġu aċċettati mill-GWU u l-istess GWU hija legalment skorretta u qed taġixxi b’mod illeċitu, illegali u abusiv fil-konfront tal-istess ħaddiema ex-membri tagħha. Daqstant ieħor qed taġixxi b’mod skorrett, illeċitu u illegali l-Arriva, meta, minkejja illi ġiet mgħarrfa, ukoll individwalment millissa membri tal-UĦM, ħaddiema impjegati tagħha, illi huma kienu qed jirriżenjaw mill-GWU u konsegwentament talbu illi mill-paga tagħhom ma għandiex tinaqqas il-miżata dovuta lill-GWU, baqgħet taqta` ukoll din tal-GWU b’dan illi mill-paga tagħhom, il-ħaddiema qed tinqatgħalhom żewg miżati meta l-Arriva mhux hekk hija awtorizzata tagħmel, filwaqt li l-Arriva, bħala prinċipal tal-istess ħaddiema, ma għandha tieħu ebda naha fi kwalsiasi kwisjtoni illi jista` jkun hemm bejn żewg Unions.

Il-GWU qed tirrendi lilha nniffisha fi stat ta’ ksur tal-liġi ukoll meta qed tiġi mitluba sabiex data/informazzjoni mogħtija mill-istess ex-membri tagħha għall-finijiet ta’ sħubija fil-Union, ma tikkanċellahiex ġa la darba hemm ir-riżenja tal-istess membri mill-GWU.

Il-UĦM qed titlob illi għandu jieqaf b’mod immedjat dan l-aġir u l-Awtoritajiet l-oħra kollha protestati, partikolarment id-Direttur tal-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali u kif ukoll il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data qed jintalbu jintervjenu u jaġixxu skond il-liġi u l-ħaqq, biex abbuz bħal dan li qed isir mill-GWU u mill-Arriva jieqaf b’mod immedjat u b’hekk ma jissussistix l-istat illegali illi ż-żewg protestati msemmija, Arriva u GWU qed jikkawżaw.

B’ referenza għall-artiklu intitolat “Impjegat ta’ TM iħeġġeġ ħaddiema tal-Arriva biex jitilqu mill-GWU” pubblikat fil-web-portal inewsMalta nhar l-20 ta’ Awissu 2013, u kif ukoll l-istess artiklu li deher fil-ħarga tal-gazzetta ta’ kulljum l-Orizzont tal-21 ta’ Awissu 2013, l-UHM u Joseph Sghendo jiddikjaraw illi tali artikli huma mimlija inazettezzi u huwa fattwalment skorretti, għall-liema artikli allura qegħdin joġġezzjonaw u jitolbu illi ssir il-korrezzjoni neċessarja skond il-liġi ukoll tal-istampa, sjentament l-Artikolu 21 tal-KAP 248 tal-Liġijiet ta’ Malta. Dan qed jingħad peress illi qed jiġu micħuda bħala nfondati fil-fatt u fid-dritt numru ta’ allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-protestant Joseph Sghendo, li minn naħa tiegħu qed isib oġġezzjoni qawwija u jiddikjara illi mhux minnhu (a) illi huwa qed jabbuża mill-kundizzjonijiet tal-impjieg tiegħu, (b) illi qed juża vettura tat-TM biex idur ħaddiema ta’ l-Arriva fid-depots tal-kumpanija Arriva u jagħmel pressjoni fuq il-ħaddiema biex jitilqu mill-GWU u jissieħbu fil-UĦM, (c) illi għandu xi għajnuna ta’ xi hadd viċin il-Partit Nazzjonalista biex jaghmel dan. Dawn l-asserzjonijiet huma kollha inveritieri, ma għandomx mis-sewwa u mill-verita` u għandhom jiġu ritirati b’mod immedjat, fin-nuqqas ta’ liema, kemm il-UĦM u aktar u aktar Joseph Sghendo qiegħed minn issa jirrizerva illi jieħu dawk il-passi legali kollha opportuni skond il-liġi.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment