“Il-UĦM ma tridx “ritratt tal-vot” imma rebħa bil-vot” hekk stqarr Josef Vella, Segretarju Ġenerali tal-UĦM.
Il-UĦM tiċħad b’mod kategoriku ir-rapport qarrieqi li deher fil-ġurnal tal-General Workers’ Union (GWU) l-Orizzont tal-lum fejn qed jingħad li l-UĦM talbet lill-ħaddiema biex jieħdu ritratt tal-vot ħalli jiġu aġevolati f’każ li l-UĦM tirbaħ ir-rikonoxximent tal-Freeport.
Josef Vella tenna li hu impossibli li wieħed jieħu ritratt ta’ kif ivvota mingħajr ma jkun nnutat meta wieħed jara kif inhu armat il-post tal-votazzjoni.
Aktar minn hekk, Josef Vella semma kif ilbieraħ ir-rappreżentanti taż-żewġ unions kellhom laqgħa ma’ min se jieħu ħsieb din il-votazzjoni u fl-ebda ħin ma ntqal li kien hemm min kellu xi dubji dwar il-proċess ta’ votazzjoni, anzi kienu sodisfatti bil-livell ta’ trasparenza.
Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM illum ikkuntattja lill-Aġent Direttur tax-Xogħol, Joe Camilleri biex jara għaliex din il-union ma kinitx infurmata dwar dak li qed jingħad fuqha. Joe Camilleri ċaħad li hu għandu rapport bil-miktub dwar dan. L-Aġent Direttur tax-Xogħol ukoll ikkonferma li qabel ma bdiet il-laqgħa tal-MCESD, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb qallu li se tidher storja fil-faċċata ta’ l-Orizzont tal-għada.
Josef Vella stqarr li ma jistax jifhem għaliex il-ġurnal tal-GWU qed jitfa’ dan it-tajn fuq il-UĦM u għaliex qed jiżra dubji dwar dan il-proċess ħieles ta’ votazzjoni.
Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM żied li għalih dan qed isir sabiex f’każ li l-GWU ssofri telfa tkun tista din l-istorja bħala skuża.
“Huma l-ħaddiema biss li jiddeċiedu lil min iridu biex jirrapreżentahom u l-UĦM tbaxxi rasha għal din l-għażla, ikun min ikun ir-rebbieħ” temm jgħid s-Segretarju Ġenerali tal-UĦM.