fbpx

Il-UĦM tappoġġja l-inizjattiva ta’ Rachel Sacco li ġġieldet il-kanċer

Rachel Book CoverRachel Sacco hi mara ta 30 sena li għaddiet minn esperjenza kerha iżda li sabet kuraġġ, tama u appoġġ minn dawk kollha ta’ madwarha.  Rachel hi magħrufa fost il-ħaddiema u membri tal-Union Ħaddiema Maqgħudin peress li kienet impjegata tal-Union kif ukoll hi miżżewwga lil Mario Sacco, Segretraju tat-Taqsima Ħaddiema mal-Gvern.

Dan l-aħħar Rachel ħarget ktieb fejn spjegat fid-dettal dak li għaddiet minnu u kif iġġieledet il-marda tal-kanċer. Il-qliegħ minn dan il-ktieb bl-isem ta’ ‘Marda fil-Paċi ma Ġesu’ se jmur għall-Puttinu Cares. Il-UĦM tixtieq ukoll tagħti l-kontribut tagħha biex tgħin lil Rachel tmexxi l-esperjenza tagħha. Kien għalhekk li tlabnieha ttina l-esperjenza tagħha fil-qasir:

“Jiena Rachel, miżżewġa lil Mario. Ta’ 30 sena, wellidt lil Luca permezz ta ċesarja.  Ftit jiem wara li twieled, ġejt diagnosed li kelli kanċer. Għamilt madwar sena dieħla u ħierġa l-isptar.  Ħadt il-chemotherapy u grazzi lil Alla fieqt kompletament.  L-akbar weġgħa ma kienx il-kanċer fih innifsu imma l-fatt li kont ‘il bogħod minn Luca fl-ewwel jiem ta’ ħajtu.  Minkejja din il-burraxka kollha, xorta kont niċċajta u nidħak, nipprova nghix hajja mill-aktar normali possibbli. Kelli ħafna talb u ħafna sapport u dawn kienu parti mill-fejqan tiegħi. Ridt li nikteb l-istorja tiegħi dwar dak kollu li kont għaddejja minnu.  Ktibtha għal żewġ għanijiet. L-ewwel għan sabiex meta jikber Luca, jkollu l-ktieb bid-dettalji kollha ta’ x’ġara. U t-tieni għan sabiex jekk inkun naf lil xi ħadd li għaddej minn xi esperjenza simili ngħaddilu l-ktieb biex ikun ta’ kuraġġ għalih.  Pero` ġara li meta missieri ra l-ktieb lest, hu ħareġ bl-idea li jiġi ppublikat u l-qliegħ imur għal Puttinu Cares. U jiena ddeċidejt li la se jgawdi Puttinu, jiena lesta li nagħmel l-istorja tiegħi pubblika.  U llum il-ktieb jinsab ippublikat u semmejtu ‘Marda fil-paċi ta’ Ġesu`’. Qed jinbiegħ għall-prezz ta’ €5.00 u l-qliegħ imur għal Puttinu Cares”

Dan il-ktieb jista’ jinxtara mill- ħwienet tal- kotba u stationeries f’Malta u Għawdex kif ukoll mill-bini tal-UĦM gewwa l-Floriana, jew ċċempel fuq 21234801 biex tibbukjah.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment