Aqra l-intervista billi tagħfas fuq il-link:
“Dment li noffru pagi diċenti, li tħallas iktar bolla isir investiment fik innifsek” – UHM
Intant fil-proposti tagħha għall-baġit, il-UĦM qed tipproponi wkoll li tkun introdotta il-pensjoni tat-tieni pilastru (second pillar pension). L-ILLUM fakkar li din tfisser żieda fil-bolla u li allura ħafna mill-membri tiegħu stess mhux se jieħdu wisq pjaċir biha. “Dment li noffru pagi diċenti, li inti tħallas iktar bolla isir investiment fik innifsek” sostna Vella. Dan il-ġurnal fakkru iżda li realment ħadd ma jidhirlu li l-paga tiegħu hija diċenti biżżejjed u staqsieh min se jiddeċiedi x’inhi paga “diċenti” jew le. “Ara, ħadd ma jieħu pjaċir li jrid iħallas iktar, anke jien ingerger kieku togħlieli l-bolla, imma sfortunatament illum qed ngħixu fi żmien fejn il-kultura tat-tfaddil ma teżistix, il-ġenerazzjoni żagħżugħa, tonfoq kull ma taqla jekk mhux aktar.”
Bħala waħda mill-proposti li l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) ressqet għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern għall-Baġit li se jitħabbar ix-xahar id-dieħel hemm dik li tispeċifika li għandu jsir illegali li xi ħadd iħaddem impjegat miegħu mingħajr ma jsir kuntratt tax-xogħol. Aktar minn hekk, il-UĦM qed tipproponi li fuq il-kuntratt ikun hemm riflessi l-kundizzjonijiet bażiċi stabbiliti mil-liġi, bħal kemm huwa l-ħlas li għandu jieħu impjegat għal-leave tal-mard kif ukoll kemm hija l-anqas rata li biha impjegat f’Malta jista’ jitħallas.
“Din il-proposta hija waħda li permezz tagħha il-UĦM qed turi li trid tiġġieled il-prekarjat. Hawn ħafna, mhux waħdiet, imma ħafna ħaddiema li mhumiex impjegati b’kuntratt. Sakemm ikun il-bnazzi u m’hemmx problemi, kollox sew. Imma mbagħad meta tinqala’ kwistjoni u ħaddiem iħoss li drittijietu qed ikunu mittiefsa, mingħajr kuntratt m’għandux każ.” Hekk sostna s-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella f’kummenti li għadda lill-ġurnal l-ILLUM li spjega wkoll kif il-UĦM trid li tintuża t-teknoloġija u l-liġi biex ikun miġġieled il-prekarjat. Imma kif eżattament tista’ taħdem din il-proposta?
Vella jgħid li l-UĦM qed tipproponi lill-Gvern sistema li permezz tagħha “inpoġġu forom diversi ta’ kuntratti li bihom ikunu impjegati ħaddiema Maltin u li huma konformi mal-liġi fuq is-sit tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER). Dan ifisser li jekk jiena rrid nimpjegak jeħtieġ nuża wieħed mid-diversi kuntratti mpoġġijja fuq is-sit, dejjem skont il-mod li nkun se nimpjegak bih, li jfisser”, kompla jgħid Vella, “li apparti li min jimpjega qed jintrabat li jħaddem skont il-liġi, qed jirreġistra wkoll lill-impjegat permezz tal-użu ta’ dan il-kuntratt tax-xogħol. B’hekk inkunu qed ngħalqu l-vit fuq il-prekarjat.”