It-Taqsima Servizzi tas-Saħħa tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) għal-dawn l-aħħar ġimgħat kienet għaddejja f’interventi sabiex is-sitwazzjoni li bħalissa hemm fil-Garage tal-Ambulanzi fl-Isptar Mater Dei tissolva.
Ix-Xufiera tal-Ambulanzi kienu ilhom għal-dawn l-aħħar xhur jilmentaw bil-problemi li l-ambulanzi qed ikollhom. Dan minħabba li dawn l-ambulanzi huma antiki u għalkemm dawn kienu qed jiġu msewwija, kien qed jirriżulta li dan mhux biżżejjed għaliex diversi vetturi kienu qed jerġgħu bil-ħsara saħansitra l-għada tat-tiswija.
Infatti, l-UĦM insistiet mal-Ministeru tas-Saħħa sabiex dawn il-vetturi jinbiddlu minnufih u wara din l-insistenza, it-Taqsima ġiet infurmata li l-ambulanzi ser jiġu mibdula kollha f’temp ta’ sitt xhur, b’nofshom ser jinbiddlu sal-aħħar tas-sena.
Sadanittant, it-Taqsima qegħda tinsisti mal-Gvern sabiex jiġu mikrija vetturi adekwati għal-ħaddiema w iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. It-Taqsima mhux ser taċċetta li x-xogħol ta’ ambulanzi jittieħed minn terzi. Is-Segretarju tat-Taqsima stqarr li dak li hu ta’ periklu għal-membri tal-UĦM huwa ta’ periklu għal-kwalunkwe persuna li jista’ jsuqhom. Dak li minn banda oħra mhux ta’ periklu għal-membri tal-UĦM, l-istess Union m’ għandiex oġġezzjoni li jinstaqu.
Intant, dalgħodu t-Taqsima ħarġet direttiva lil Porters tal-Ambulanzi sabiex ma jassistux xufiera li m’ għandhomx it-taħriġ neċessarju hekk kif provdut mid-Dipartiment tas-Saħħa. Il-UĦM matul is-snin iffirmat serje ta’ ftehimiet sabiex ix-xufiera jibqgħu jiġu imħarrġa fis-suġġett. Infatti, sal-llum dawn ix-xufiera ingħataw aktar minn 100 siegħa taħriġ fejn fosthom ingħataw taħriġ ta’ kif wieħed isuq b’veloċità waqt emerġenza. Dan it-taħriġ sar mil-Pulizija, Transport Malta w Inġiniera.
Fl-istess waqt, din il-Union ilha dawn l-aħħar sentejn tinsisti li għandhom jiġu ngaġġati 10 xufiera tal-ambulanzi ġodda flok dawk li rtiraw bil-pensjoni f’dan iż-żmien. Għalkemm il-Union baqgħet tinsisti fuq dan, jidher li t-tkaxkir tas-saqajn min-naħa tad-Diviżjoni wasslet biex minnflok jidħlu ħaddiema ġodda, jintuża l-kuntrattur li fl-aħħar mil-aħħar qed jiġi jiswa lid-Diviżjoni u lill-but tal-poplu ħafna aktar minn li kieku daħħal ħaddiema ġodda.
Dan għal-Union mhux aċċettabli u nfatti kienet talbet meeting mal-amministrazzjoni tal-Mater Dei fuq din l-issue ġimgħatejn ilu, tali talba sal-llum għada ma ntlaqatx.