Il-partijiet kollha interessati għandhom jitlaqqgħu lkoll flimkien madwar mejda sabiex issir diskussjoni serja fuq kwistjonijiet li jagħmlu impatt dirett jew indirett fuq il-ħaddiema, il-familji tagħhom u fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan biex jinħolqu inizjattivi jew jinstabu soluzzjonijiet għall- kwalità tal-ħajja aħjar.
Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fil-programm “Xogħol Aħjar” ippreżentat minn Ivan Castillo fuq NET FM nhar il-Erbgħa 7 ta’ Awwissu 2019.
B’reazzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet tal-fuels, kif imħabbra mill-Gvern fil-jiem li għaddew, Josef Vella fisser kif il-union talbet fi stqarrija lill-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) sabiex hi ma tkunx injorata fit-talba tagħha ħalli ssir diskussjoni mal-imsieħba soċjali dwar kif, fost oħrajn, dawn il-prezzijiet qed ikunu kkalkulati.
Il-UĦM Voice of the Workers trid li l-MCESD ikun effettiv billi dak li qed jolqot lill-familji, lill-industrija u lill-postijiet tax-xogħol jiġi diskuss immedjetament. Din il-union, fl-istqarrija tagħha, spjegat li l-prodotti milquta miż-żidiet fil-prezzijiet, jiġifieri, il-ħobż, il-ħalib u issa l-fuels, huma prodotti essenzjali għall-familja u għall-postijiet tax-xogħol.
Josef Vella qal li jekk id-diskussjoni ma ssirx u nħallu kollox kif inhu jista’ jkun li biex intaffu l-għoli taż-żieda fil-fuel irridu nistennew sakemm ningħataw rimedju fil-Budget għall-2021. Jekk dan iseħħ, il-poplu Malti jkun dam iżjed minn sena u nofs iġorr il-piż, bid-diffikultajiet li jġib miegħu. “Fiċ-ċirkostanzi kif inhuma rridu naraw kif nistgħu nindirizzaw din is-sitwazzjoni għax il-Gvern irid b’xi mod jara kif se jwieżen lill-familji”, sostna Josef Vella filwaqt li żied li “dan huwa impatt dirett fuq il-klassi medja”. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-fuels għandu wkoll impatt fuq l-industrija li trid tagħmel il-kalkoli u l-ispejjeż tagħha.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li l-Gvern qed jiżvija lin-nies meta jgħid li l-prezz tal-fuel f’Malta huwa mqabbel mal-medja Ewropea. Il-Gvern qed jieqaf hemm u ma jgħidx il-verita’ kollha għax il-pagi tagħna mhumiex komparabbli mal-medja Ewropea – huma ħafna inqas. Josef Vella żied li kieku l-pagi tagħna huma l-istess bħall-medja tal-Unjoni Ewropea, kieku aħna nifilħu nġorru l-għoli fil-prezzijiet. Fi kliem ieħor id-disposable income tagħna l-Maltin huwa inqas minn dak ta’ ċittadini Ewropej.
Iż-żieda mħabbra dan l-aħħar fil-prezzijiet tal-fuels torbot ma’ kwistjonijiet oħrajn. Smajna u għadna nisimgħu bi stejjer ta’ nies li ma jifilħux iħallsu ż-żieda fil-kirjiet, u b’koppji żgħażagħ li qed isibuha diffiċli sabiex jikru jew jixtru proprjeta’. Issa l-ħaddiema Maltin qed jintlaqtu mill-prodotti essenzjali, fosthom il-ħobż, il-ħalib u issa mill-fuels. “Meta tolqot fl-essenzjal l-impatt ikun ħafna ikbar”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers. Hu qal li m’għandniex naċċettaw l-argument li l-prezzijiet lokali tal-fuels huma prezzijiet bħal dawk fil-Ġermanja jew bħal ta’ pajjiżi oħrajn. Dan għax iċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi jaqilgħu pagi iżjed minna u bis-salarji aktar għoljin minn tagħna jifilħu jġorru l-piż aktar minna.
Josef Vella qed jittama li l-MCESD jilqa’ it-talba li saret mill-UĦM Voice of the Workers sabiex issir diskussjoni effettiva dwar kif ġiet ikkalkulata ż-żieda fil-prezzijiet tal-fuels. “Jekk il-MCESD ma jasalx biex jieħu deċiżjoni serja tad-diskussjoni, il-kwistjoni m’għandhiex tieqaf hemm imma tista’ tmur f’forum ieħor sabiex il-problemi ma jinħbewx taħt it-tapit,” saħaq il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Fil-programm tqajjem is-suġġett tal-living wage u l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li l-union mhix kuntenta bis-sitwazzjoni ta’ kif jingħata rimedju għall-għoli tal-ħajja. Hu fisser li sal-lum għadha titħaddem is-sistema tal-COLA, sistema li ilha wżata għexieren ta’ snin. Il-UĦM Voice of the Workers ilha tinsisti sabiex din is-sistema tiġi riveduta għaż-żminijiet tal-lum. Josef Vella qal li meta niġu biex niddeċiedu dwar kemm il-poplu se jingħata żieda għall-għoli tal-ħajja, il-Gvern jaħdem bil-mekkaniżmu tal-COLA. Għall-kuntrarju, meta jiġi biex jirrapporta lill-Unjoni Ewropea dwar l-għoli tal-prezzijiet, il-Gvern juża l-harmonized index of consumer prices – kejl totalment differenti. Wieħed irid jistaqsi: se nirrevedu l-mekkaniżmu tal-COLA, se nużaw is-sistema tal-harmonized index of consumer prices jew se napplikaw mekkaniżmu ieħor?
Josef Vella żied li s-soċjeta’ inbidlet u qed ngħixu f’perijodu fejn wara 10 snin it-teknoloġija tant għamlet progress enormi li l-ħajja tal-bniedem inqalbet ta’ taħt fuq. Illum wasalna fi żmien fejn qed nikkunsidraw li min m’għandux is-servizz tal-internet qiegħed fil-faqar. Dawk it-tfal li huma mċaħħda mis-servizz tal-internet qed jibdew jiġu kkunsidrati bħala vulnerabbli. L-internet huwa għodda għall-edukazzjoni u għall-konsumatur. Min għandu l-internet kapaċi jqabbel il-prezzijiet offruti minn ħwienet virtwali u jiddeċiedi jekk jixtrix jew le. Min m’għandux dan is-servizz, ikollu joqgħod b’dak li jsib f’Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li ma nistgħux nibqgħu ngħidu li l-basket tal-prezzijiet tal-2019 huwa l-istess bħall-basket tas-sena 2000. Dan għax il-fiżjonomija tas-soċjeta’ inbidlet b’mod radikali. “Din għandha tkun id-diskussjoni….il-pajjiż se jibqa’ b’din id-dikotomija: li nkejlu l-għoli tal-ħajja b’miżura u nirrappurtaw l-istatistika b’kejl ieħor?”, staqsa Josef Vella.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li hemm ħemel ta’ ideat li għandhom joħorġu kemm mill-imsieħba soċjali kif ukoll mill-partiti politiċi, mill-ekonomisti u mill-akkademiċi. Hu qal li dawn mhumiex policies imma l-‘kmandamenti’ li bihom jittieħdu d-deċiżjonijiet; il-bażi li minnhom jinbnew policies oħrajn. Għaldaqstant irid ikun hemm il-kapaċita’ sabiex l-imsieħba soċjali u l-partijiet kollha interessati jiġu lkoll flimkien madwar mejda li toffri l-opportunita’ ta’ diskussjoni. Fuq kollox is-soluzzjonijiet għandhom ikunu ta’ kulħadd. “Hawnhekk tabilħaqq għandna nużaw il-kliem ‘tagħna lkoll’ għax jista’ jkollna inizjattivi biex jgħinuna ntejbu l-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin,” saħaq Josef Vella.
Fil-programm tqajjem ukoll is-suġġett tat-trasport. Josef Vella qal li l-UĦM Voice of the Workers kienet ippreżentat proposti għall-Budget dwar dan il-qasam. Waħda minnhom hi li jkun hemm ċentri tat-trasport fl-irħula. Minn dawn iċ-ċentri jitlaq it-trasport lejn il-postijiet tax-xogħol tul rotot stabbiliti mit-Tramuntana san-Nofsinhar ta’ Malta. Din il-proposta tista’ tgħin biex it-traffiku jitnaqqas fit-toroq prinċipali filwaqt li l-pubbliku jkun moqdi b’faċilitajiet għall-parkeġġ u l-użu effiċjenti tat-trasport pubbliku jew mezzi possibbli oħrajn ta’ trasport.
Barra minn hekk, l-aċċessibbilta’ għall-internet tista’ tkun soluzzjoni għad-dinja tax-xogħol. Illum x’jaqbillek, li tuża l-karozza biex tmur għal laqgħa ‘l bogħod mix-xogħol jew tagħmel użu mill-Iskype? Jekk il-laqgħat isiru permezz tal-Iskype hemm possibbilta’ li jseħħu diversi laqgħat f’ġurnata ta’ tmien sigħat. Jekk mill-banda l-oħra tivjaġġa bil-karozza, forsi tattendi laqgħa filgħodu u laqgħa wara nofs in-nhar. Allura permezz tat-teknoloġija qed inżidu l-effiċjenza u l-produttivita’.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers semma l-iskejjel u qal li dawn, wara li jintemm l-ħin tal-iskola, jistgħu jintużaw bħala ċentri minn fejn iċ-ċittadin ikun provdut b’xi servizz u t-tfal ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport, idoqqu xi strument jew jinvolvu ruħhom fid-drama. B’hekk dak li jkun jinqeda mill-belt jew ir-raħal tiegħu u ma joqgħodx jivvjaġġa fit-tul. Din il-miżura tgħin biex tnaqqas il-vetturi mit-toroq, tnaqqas l-ispejjeż tal-fuel, timminimizza l-livell tat-tniġġis u ttejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tal-persuna. Josef Vella stqarr li rridu nbidlu l-mentalita’ tagħna u nutilizzaw dak li għandna b’mod aħjar, kemm fid-dinja tax-xogħol kif ukoll fir-riżorsi li diġa’ jeżistu fil-komunitajiet tagħna.
Fil-programm saret referenza għat-telework li ilu hemm bħala policy sa mill-2008. Josef Vella staqsa kemm saret ħidma biex din il-policy tara d-dawl. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li biex dan jiġi implimentat wieħed irid ikun jaf xi jrid minn kull ħaddiem. “Issa jekk jagħmilx ix-xogħol mill-uffiċċju jew mid-dar, l-importanti hu li fl-aħħar tal-ġurnata dan ix-xogħol jitwettaq….imma biex din il-qalba ssir, ma tridx tinkiteb biss il-policy imma l-istruttura tal-postijiet tax-xogħol trid tinbidel sabiex tkun tista’ timplimenta l-policy”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Matul il-programm ħa sehem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder u qal, fost oħrajn li t-twessigħ tat-toroq mhux soluzzjoni sostenibbli għal żmien fit-tul. Hu appella lill-Gvern sabiex ikollu r-rieda politika u jimplimenta ċertu miżuri li tħallew fuq l-ixkaffa. “Jekk mhux se nibdew kemm jista’ jkun malajr se jkollna l-problemi f’dan il-pajjiż”, sostna Karl Gouder.
Id-Deputat Nazzjonalista staqsa għaliex meta l-prezz internazzjonali taż-żejt huwa baxx qed nispiċċaw biex inħallsu prezzijiet għoljin għall-fuels. U dan fi żmien meta, kif qal il-Ministru tal-Finanzi, il-pajjiż jista’ jkun fi triqtu lejn economic slowdown. Jekk Malta tmur lejn dan ix-xenarju, ikun ifisser li l-familji Maltin u Għawdxin se jintlaqtu ħażin ħafna. Huwa faħħar lill-UĦM Voice of the Workers li ħadet il-pass loġiku biex issir diskussjoni serja fuq iż-żieda fil-prezzijiet tal-fuels.
Karl Gouder qal ukoll li għandhom jinstabu alternattivi oħrajn sabiex innaqqsu d-dipendenza tagħna fuq il-karrozzi fid-dawl tat-traffiku fit-toroq tagħna. Hu qal li hemm soluzzjonijiet bħal dawk li qed jitwettqu f’pajjiżi Ewropej oħrajn, bħal trasport tal-massa aħjar u mezzi tat-trasport indaf. Dan biex verament ikollna kwalità tal-ħajja aħjar.