fbpx

“Tibqax tagħmel il-ħsara lil Malta”

“Tkunx supperv u agħti widen lil min irid jara l-ġid sabiex ikun hemm governanza tajba fil-pajjiż. Tibqax tagħmel il-ħsara lil Malta.”

Hekk  saħaq Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers waqt diskors matul il-konferenza ta’ Jum il-Ħaddiem bit-tema “Ħidma b’Viżjoni – Mill-Kliem għall-Fatti” li saret fl-Istitut  Kattoliku, il-Furjana.

Josef Vella tkellem dwar il-qagħda inkwetanti fil-pajjiż u proprju f’dan  il-jum għażiż għall-ħaddiema ma nistgħux niċċelebraw b’mod xieraq u lil  hinn minn kull kontroversja.

Fid-dawl tar-reshuffle li l-Prim Ministru għamel fil-Kabinett nhar il-Ħamis, il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers bagħat messaġġ lill-Gvern, u lil  kull ministru li dawn mhumiex aqwa miċ-ċittadin għax kull membru li hemm fil-kabinett hu ċittadin Malti  daqs kull wieħed  u waħda minna.

“Aħna nirrispettawk imma la tkasbarniex u tagħmilniex skjavi,”sostna Josef Vella filwaqt li  żied li l-Prim  Ministru aħjar ma biddel xejn għax min għandu x’jaqsam mal-iskandlu tal-Panama tħalla fil-Kabinett. “Din  mhix soluzzjoni tal-kriżi imma sitwazzjoni bħal ktieb Animal Farm ta’ George Orwell fejn “some animals are equal but some are more equal than others”.

Josef Vella irrefera għal  kelma  “riżenja” li fil-vokabularju tilfet is-sinifikat  tagħha u llum bl-Ingliż saret tfisser time out. “Qed inħossuna vuċi fid-deżert – ma nifilħux inġarrbu iżjed”, tenna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.

Josef Vella,  fid-diskors tiegħu, tkellem dwar il-viżjoni ta’ din il-union għaż-żmien li ġej li  trid tinbidel f’missjoni.  Irringrazzja lid-delegati preżenti tal-kontribut finanzjarju biex iddawarha f’missjoni trid lill-uffiċjali u lill-membri. Irringrazzja lid-delegati għall-kontribut tagħhom fil-fond tal-union li s’issa laħaq iċ-ċifra  ta’ €26,000. Hu ħeġġeġ għal aktar  għajnuna  finanzjarja kif ukoll għall-volontarjat   sabiex jissokta x-xogħol fuq il-proġetti li l-UĦM għandha quddiemha u jsiru realta’.

Josef Vella tkellem dwar id-dinja  tax-xogħol u l-isfida marbutin tagħha. Dwar il-prekarjat, hu fisser li  l-UĦM dejjem saqħet u rrikonoxxiet il-prekarjat u ma waqfitx hemm, tant li tat is-soluzzjonijiet tagħha. UĦM Voice of the Workers ma tistax tifhem kif il-union tat proposta konkreta, li treġi, lill-gvern u mill-baġit ‘il hawn ma sar xejn biex il-prekarjat ikun indirizzat. Allura l-mistoqsija tiġi waħidha:  hemm rieda biex nindirizzaw il-prekarjat? Ma nistgħux naqgħu  fin-nasba li nagħtu l-proposti tagħna imbagħad ma jsir xejn. Mhux wegħdi rridu imma fatti.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers żied li jekk hemm xi ħaġa li dejjem fixklet lill-union kienet il-ħidma dwar il-Pensjonijiet tat-Tieni Pilastru. Ħadd mill-unions, ħlief is-CMTU, ma jaqbel mal-Pensjonijiet tat-Tieni Pilastru.  Hu qal li m’aħniex kapaċi nħallu pensjoni adekwata fil-wirt nazzjonali.  Fakkar kif Malta hi l-aħħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li, xi darba, se tkun qed iddaħħal il-Pensjonijiet tat-Tieni  Pilastru. Nitkellmu tant dwar il-bidla fil-klima imma mhux qed nagħtu kas tal-fatt  li l-bwiet tan-nies ukoll qed ‘jinħallu’.

Dwar it-Tribunal Industrijali,  Josef Vella  qal li l-union għamlet diversi proposti għal riforma f’dan  it-tribunal u allura l-Gvern ma jistax jattakka lil din il-union li mhix taħdem fl-interess nazzjonali. Sar ċaqliq kożmetiku biex wieħed jingħata x’jifhem li sar ħaġa, imma jekk dan it-tribunal qabel  kien imur kontra l-Kostitizzjoni, l-affarijiet baqgħu l-istess.  Josef Vella appella lill-Gvern biex jirriforma t-Tribunal Industrijali bis-serjeta’ għax dan hu wieħed minn żewġ għodod għall-ħaddiem biex iħares drittijietu.  Hu ħeġġeġ lill-gvern biex jagħti  kas tas-soluzzjonijiet li qed ikunu proposti mill-UĦM, fosthom, li t-Tribunal ikun  immexxi minn maġistrat.

Il-gvern tela’ bl-għajta li “tista’ taħdem magħna anki jekk ma taqbilx magħna” imma llum din inbidlet għal “tista’ taħdem magħna imma  mhux bilfors naħdmu miegħek”. Semma, fost oħrajn, it-tfixkil li  kien hemm f’dik li kienet il-MEPA fejn  union partikulari kienet ħaġa  waħda mal-management tant  li saru promozzjonijiet lil min kien membru fi ħdanha. L-iskop ta’ din il-union kien li joħroġ lill-UĦM ‘il barra minn dan il-post tax-xogħol. Imma oħroġ il-għaġeb ma kien hemm ebda riżenja mill-membri tal-UĦM.

Dwar il-rikonoxxiument  fil-Malta Gaming Authority, intqal li qed isiru l-manuvri kollha possibbli sabiex isir eżerċizzju li fl-aħħar mill-aħħar il-ħaddiem jispiċċa mingħajr ftehim kollettiv.

Fid-diskors tal-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers saret referenza għat-tlestija ta’ xogħol biex numru ta’ ħaddiema jkunu organizzati f’koperattiva. Il-koperattivi kienu wieħed mit-tliet pilastri ta’ proposti  li din  il-union ressqet quddiem il-Gvern għall-baġit ta’ din  is-sena. Koperattiva mhix invenzjoni tal-UĦM għax din tabilħaqq hi msemmija fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.  “Nappella lill-Gvern biex jagħtina ċ-ċans  li nesponu dan il-mod kif norganizzaw il-ħaddiema,”sostna Josef Vella.

Il-Kap Eżekuttiv tkellem ukoll dwar is-suq ħieles u l-kompetittivita’ filwaqt li saħaq mal-gvern biex jilliberazza s-suq tal-fuel.  Dan biex  il-pubbliku jkollu l-għażla u s-servizz ikun jista’ jissaħħaħ.  “Iġġieldu għas-suq ħieles biex is-suq iservi  lilek u mhux inti sservi s-suq,”kompla Josef Vella.

Dwar il-Freeport,  Josef fisser dak kollu li għaddew minnu l-ħaddiema mindu l-GWU ħadet ir-rikonoxximent ta’ dan il-post tax-xogħol sena ilu. Hu spjega kif il-problemi bdew jiżdiedu jum wara jum tant li l-GWU farrket il-post tax-xogħol. Josef Vella fisser kif il-UĦM tgħallmet mit-tbeżbiża li  ħadet  u stinkat u għamlet minn  kollox biex  indirizzat in-nuqqasijiet li kien  hemm. Bil-mod il-mod, il-ħaddiema li  l-UĦM  tilfet bdew jiġu lura – mhux wieħed wieħed imma  tużżana tużżana. Dan għax il-ħaddiema, fost oħrajn, mhux biss kien imdejqin  bil-kundizzjonijiet li  kienu  fihom   imma saħansitra kienu mwiegħdin eluf ta’ arretrati u spiċċaw biex tilfuhom. “Jekk il-Freeport ma jarax il-bidla, il-ħaddiema mhux se jimxu ‘l  quddiem,”sostna Josef Vella, filwaqt li żied li l-UĦM ma  tigdibx mal-ħaddiema. Fisser kif il-GWU, dan l-aħħar, offriet xift ta’ 32 siegħa bl-overtime is-Sibt u l-Ħadd. F’ittra lill-management, il-UĦM avżat li jekk dan ix-xift ikun aċċettat allura ma kinitx se tmur għall-elezzjoni. Il-management fil-pront bagħat ittra u qal li dak li qed twiegħed il-GWU mhux minnu.

Għaldaqstant, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers ħeġġeġ lill-ħaddiema tal-Freeport  biex  imorru jivvotaw b’mod ħieles nhar it-Tnejn  u t-Tlieta.  Bħalma kien imwiegħed lill-ħaddiema tal-Malta Public Transport (MPT), li saru negozjati dwar ftehim kollettiv fi żmien tliet xhur biex il-pakkett ta’ inċentivi jkun ppreżentat lill-ħaddiema, hekk jista’ jiġri mal-ħaddiema tal-Freeport – dejjem jekk jagħtu  fiduċja lil UĦM Voice of the Workers biex tirrapreżentahom.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment