fbpx

Il-ħaddiema tal-MPT wara l-UĦM

L-Avukat Ian Spiteri Bailey f’isem il-UĦM wieġeb l-ineżattezzi tal-ittra li ntbagħtet mill-Avukat Paul Gonzi f’isem l-MPT. Dan wara li f’ittra li kienet  indirizzata  lill-kumpanija l-Avukat Spiteri Bailey f’isem il-UĦM saħaq li din il-union bi dritt qed tressaq talba għal rikonoxximent li mhix limitata biss għax-xufiera iżda hi talba ħolistika għall-ħaddiema kollha fl-MPT.

Spiteri Bailey insista li l-MPT m’għandhiex tostakola li ssir ġustizzja mal-ħaddiema u li ssir votazzjoni ħalli jistabbilixxu min għandu l-maġġoranza tal-ħaddiema bħala membri fl-MPT.

Sadattant il-UĦM tirrifjuta li deċiżjoni li ttieħdet f’kawża ta’ rikonoxximent ta’ kategorija tiġi meqjusa bħala talba ta’ rikonoxximent sħiħ.

Matul is-sena li għaddiet, kien hemm diversi votazzjonijiet f’ħafna kumpaniji. Għaldaqstant bl-istess mod, il-UĦM qed  tistenna li  l-istess proċeduri li kienu applikati f’każijiet u f’postijiet tax-xogħol simili għandhom ikunu attwati bl-iskop li jagħtu vuċi lir-rieda tal-ħaddiema.

L-Avukat Spiteri Bailey fl-ittra li ntbagħtet  lill-Avukat Paul Gonzi ikkundanna t-theddid li ħareġ f’isem il-kumpanija fil-konfront tal-UĦM u stqarr li l-UĦM għandha drittijiet stabbilit mil-liġi u li hi  se teżerċita dawn id-drittijiet fl-interess tal-ħaddiema tal-MPT.

Il-UĦM twissi lill-kumpanija MPT li jekk tkompli tinnegozja ma’ union oħra, li ma tgawdix mill-appoġġ tal-maġġoranza tal-ħaddiema, se tkun qed tistieden inkwiet industrijali mal-UĦM. Fl-istess waqt qed tavża lill-GWU li mhux se taċċetta li l-ħaddiema jkunu avviċinati fi ftehim kollettiv fittizju u li sar ta’ kaf  kaf fl-aħħar ħinijiet sabiex jikkonvinċi temporanjament lill-ħaddiema, iżda li mbagħad ma jsarraf għal ebda benefiċċju għall-ħaddiema tal-MPT.

Il-UĦM tistaqsi: x’inhu l-interess tal-kumpanija tal-MPT li ma ssirx il-votazzjoni? X’inhu l-interess tal-kumpanija MPT li ma tikkanċellax lill-ħaddiema li wrew interess li jirriżenjaw mill-GWU u xorta waħda tibqa’ tqishom bħala membri tal-GWU? X’inhu l-interess tal-MPT li ħaddiema li wrew li huma membri fil-UĦM ma jingħaddux  kif suppost biex awtomatikament jagħtu id-dritt tal-verifika? X’inhu l-interess tal-MPT li tostakola lill-UĦM filwaqt  li wara l-kwinti tkompli l-maratona tagħha ħalli tagħti sprint lill-ftehim kollettiv li jista’ jkun ta’  dannu għall-istess  ħaddiema?

Mehmuża ma’ din l-istqarrija hemm l-ittra mibgħuta lill-Avukat Paul Gonzi.

Ittra Dr Ian Spiteri Bailey

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment