Ftehim Settorali Ġdid għal Klassi Diplomatika
Il-UHM Voice of the Workers illum iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-Klassi Diplomatika, li minnu se jgawdu madwar mitt ħaddiem.
Dan il-ftehim, li se jibqa’ fis-seħħ għal ħames snin, jirrappreżenta pass importanti ’l quddiem għall-ħaddiema f’dan is-settur kruċjali. In-negozjati tmexxew mit-Taqsima tas-Servizz Pubbliku tal-UHM.
L-iffirmar sar waqt ċerimonja ġewwa Palazzo Spinola, fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru Ian Borg. Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar, iċ-CEO tal-UHM Josef Vella, is-Senior Employment Relations Manager tat-Taqsima tas-Servizz Pubbliku tal-UHM Jonathan De Gabriele, u d-Deputy Head tal-Industrial Relations Unit Mario Grixti.
Fost il-benefiċċji ewlenin miftiehma hemm:
- Titjib fl-avvanz tal-karriera.
- Introduzzjoni ta’ numru ta’ allowances godda.
- Titjib sostanzjali fit-take-home-pay.
Dan il-ftehim jirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-ħaddiema fil-qasam diplomatiku — ħaddiema li ħafna drabi jaħdmu fis-skiet, iżda li xogħolhom huwa essenzjali sabiex Malta tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha fuq livell internazzjonali. Il-ftehim jirrifletti wkoll l-impenn kontinwu tal-UHM sabiex tkompli ssaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-rikonoxximent professjonali tal-ħaddiema kollha f’din il-klassi.
L-UHM irringrazzjat lil kull min ta sehmu biex jintlaħaq dan il-ftehim, b’mod partikolari lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lill-ħaddiema kollha involuti, li permezz tad-dedikazzjoni u l-professjonalità tagħhom iwettqu xogħol importanti għall-pajjiż.