Ħaddiema impjegati mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) se jkomplu jserrħu rashom u jkomplu jibgħatu lil uliedhom għall-programm SkolaSajf.
Dan wara li fil-jiem li għaddew kienu wrew it-tħassib tagħhom wara li marru jirreġistraw lil uliedhom għall-programm edukattiv matul il-vaganzi tas-Sajf.
Dawn il-ħaddiema kienu ltaqgħu ma’ sitwazzjoni xejn pjaċevoli għax intqalilhom li l-prezz tal-programm SkolaSajf ġie sussidjat u xorta jridu jħallsu l-miżata. Jidher li qabel kien hemm prassi fejn il-ħaddiema ma kinux iħallsu imma din is-sena, f’daqqa waħda, l-affarijiet inbidlu u l-ħaddiema tal-FES intqalilhom li wkoll iridu jħallsu.
Malli saret taf b’din is-sitwazzjoni, Isabelle Farrugia, Employment Relations Manager fi ħdan UĦM Voice of the Workers indirizzat il-każ minnufih mal-awtoritajiet konċernati fil-FES.
Wara li saru taħditiet mal-Kap Eżekuttiv tal-FES kif ukoll mal-ħaddiema infushom, intlaħaq qbil dwar arranġament li l-ħaddiema jħallsu miżata ta’ reġistrazzjoni għall-programm SkolaSajf li tiswa €25. Intlaħaq ukoll qbil li jekk iridu jestendu s-sigħat u jagħmlu użu mill-programm Klabb 3-16 fis-Sajf kif ukoll fix-Xitwa, il-miżati jiġu rinunzjati.
“Dan l-arranġament hu ta’ sodisfazzjon kemm għall-UĦM Voice of the Workers kif ukoll għall-ħaddiema. L-impjegati tal-FES joffru servizz lin-nisa li jħadmu u huma wkoll qed jieħdu xi ħaġa lura għax qed isibu lil min qed jieħu ħsieb lil uliedhom”, sostniet Isabelle Farrugia, Employment Relations Manager fi ħdan UĦM Voice of the Workers.