22 ta’ Ġunju, 2016
Il-UĦM Voice of the Workers tiddeplora l-inċident li seħħ f’Villa Chelsea nhar it-Tlieta 21 ta’ Ġunju, u turi l-solidarjeta’ mal-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-qasam soċjali. Dan wara li numru ta’ professjonisti membri tagħha sfaw imweġġa’ ġewwa din l-istituzzjoni.
Il-union tħoss li dan l-inċident, fost oħrajn, sar minħabba n-nuqqas ta’ secure units. Għalhekk il-UĦM kitbet lill-Michael Farrugia, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali u saħqet dwar il-bżonn li jkun hawn strutturi sabiex it-tfal u l-adolexxenti, li għandhom problemi serji fl-imgieba, jingħataw il-kura fi struttura ħielsa mill-periklu għalihom u għal min qed jieħu ħsiebhom.
Il-UĦM fissret li l-ħaddiema qed ikollhom joffru s-servizzi tagħhom lill-adolexxenti f’postijiet tax-xogħol li huma ta’ riskju. Għalhekk, din il-union qed tistenna:
- Li l-Gvern jindirizza d-diffikultajiet ta’ dawn il-minuri li jaqgħu taħt il-kura u l-ħarsien tieghu; u
- Li jindirizza miżuri ta’ protezzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurta’ fil-post tax-xogħol biex il-haddiema ma jiġux aggrediti fil-futur immedjat.
Sadattant, din il-union ukoll qed tagħmel rakommandazzjoni sabiex isir working committee bejn il-union u l-istakeholders kollha ħalli titħejja politika ta’ azzjoni ħolistika dwar dan is-settur. Dan sabiex il-professjonalita kif ukoll is-saħħa u s-sigurta’ tal-professjonisti tiġi mħarsa mingħajr theddid.