Il-ħaddiema li jaħdmu fl-Arkivju Nazzjonali, ir-Rabat se jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Dan wara li ġie ffirmat ftehim kollettiv bejn il-UĦM Voice of the Workers u t-tmexxija tal-Arkivju Nazzjonali.
Isabelle Farrugia, Employment Relations Manager, fissret li dan il-ftehim ikopri l-perijodu 2017-2020. Filwaqt li jibni fuq oħrajn preċedenti, minn dan il-ftehim il-ġdid il-ħaddiema se jgawdu minn gradi ġodda tant li issa għandhom opportunita’ għal promozzjoni.
Mario Sacco, Employment Relations Senior Manager, stqarr li n-negozjati bejn il-UĦM u l-management tal-Arkivju Nazzjonali kienu armonjużi. Hu qal li dan il-ftehim hu kisba oħra għan-numru ta’ ħaddiema fi ħdan l-Arkivju Nazzjonali u li huma mseħbin f’din il-union li għandha r-rikonoxximent tal-post tax-xogħol.
Charles Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Arkivju Nazzjonali, qal li dan il-ftehim wassal għal żvilupp fl-istruttura tal-Arkivju Nazzjonali, żvilupp li jawgura għall-quddiem.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv kien hemm Ivan Ellul, Employment Relations Representative tal-UĦM Voice of the Workers u Frank Fabri, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Agħfas ukoll fuq dan il-link: https://www.facebook.com/edukazzjoni/videos/1963596990585961/