Il-UĦM Voice of the Workers tħabbar li l-ftehim kolletiv għall-ħaddiema amministrattivi, tekniċi u staff industrijali fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta’ ġie approvat minn 94 fil-mija tal-ħaddiema li f’laqgħa vvotaw sabiex dan il-ftehim jiġi ffirmat.
Il-ftehim kollettiv il-ġdid tal-ħaddiema mhux akkademiċi tal-Universita’ jinkludi diversi kundizzjonijiet ġodda, fosthom, titjib fil-kundizzjonijiet dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, titjib fil-flessibbilta’, fil-proċeduri tal-vacation leave, tisħiħ fil-proċeduri dwar mili ta’ vakanzi kif ukoll titjib f’diversi allowances.
Dan minbarra r-ristruttur fl-istrutturi ta’ diversi gradi fl-Universita’, kif ukoll it-titjib fil-progress tal-karriera tal-ħaddiema koperti minn dan il-ftehim kollettiv. Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv se jkun hemm ukoll titjib fis-salarji għal perijodu ta’ ħames snin.
Intant il-UĦM Voice of the Workers, permezz tat-Taqsima Edukazzjoni u l-Kura, ippreżentat dan id-dokument lid-diversi kategoriji ta’ ħaddiema u l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema vvotat favurih. Dan l-ftehim ġie wkoll approvat mill-Kunsill tal-Universita’ fit-23 ta’ Frar 2018. Issa jmiss li jiġi ffirmat mill-uffiċjali ta’ din il-union u mill-management tal-Universita’ fil-jiem li ġejjin.
It-Taqsima tal-Edukazzjoni u Kura fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers turi s-sodisfazzjon tagħha għar-riżultat tal-votazzjoni mill-ħaddiema, riżultat li juri r-relazzjoni tajba li teżisti bejn din il-union u l-Universita’ ta’ Malta.