Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) fi Brussell għadu kemm ħatar lil Dr. Philip von Brockdorff, ir-rappreżentant ta’ UĦM Voice of the Workers fl-EESC, bħala rapporteur tal-Communication for a European Investment Stabilisation Function tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tfassal viżjoni ta’ kif ċertu funzjonijiet finanzjarji, li huma essenzjali għaz-zona Ewro u l-UE b’mod sħiħ, jistgħu jkunu żviluppati fi ħdan qafas tal-finanzi pubbliċi tal-UE. Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tippreżenta xi karatteristiċi ewlenin għat-tħaddim tal-funzjoni ta’ stabilizzazzjoni bħala mod ta’ kif wieħed jippriserva livelli ta’ investiment f’każ ta’ bidliet ekonomiċi kbar għall-għarrieda.
Funzjoni ta’ stabilizzazzjoni f’livell Ewropew tipprovdi l-possibbilta’ li tattiva r-riżorsi b’mod mgħaġġel sabiex tieħu ħsieb bidliet ekonomiċi kbar għall-għarrieda li ma jistgħux jiġu kkontrollati f’livell nazzjonali waħdu. Il-funzjoni ta’ stabilizzazzjoni hi intenzjonata għal stati membri fiz-zona ewro imma stati membri oħrajn ukoll jistgħu jipparteċipaw.
Il-Kummissjoni pproponiet €55 biljun fil-budget Ewropew li jmiss għal perijodu fit-tul biex tappoġġja l-investiment fiz-zona ewro waqt ix-xokkijiet ekonomiċi u riformi strutturali.
Fir-rwol tiegħu bħala rapporteur, Dr. von Brockdorff se jiltaqa’ ma’ rappreżentanti għoljin mill-Kummissjoni Ewropea, ifittex rispons minn istituti relevanti u organizzazzjonijiet bażati fi Brussell u minn membri tal-EESC. Rapport finali se jkun ippreżentat għal approvazzjoni fis-Sessjoni Plenarja tal-EESC aktar tard din is-sena.
TMIEM