Bħala parti mill-kampanja elettorali tiegħu għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Dione Borg żar lill-UĦM Voice of the Workers fil-Floriana nhar il-Ħamis 8 ta’ Novembru 2018. Hu ntlaqa’ minn Josef Vella, Kap Eżekuttiv kif ukoll minn Jesmond Bonello, Direttur u minn Edwin Balzan, Assistent Direttur.
Fl-introduzzjoni tiegħu, Dione Borg qal li l-Budget kif ippreżentat mill-Gvern għas-sena d-dieħla ma jinkludix setturi ġodda.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li f’dan il-pajjiż għandna bżonn nirrevedu s-settur tal-manifattura. Hu spjega li Malta, matul is-snin, laqgħet diversi kumpaniji li investew in-negozju tagħhom fil-pajjiż għax sabu inċentivi attaenti fit-taxxa kif ukoll ħaddiema ħawtiela. Sfortunatament, illum, m’għandniex nies imħarrġa biżżejjed fir-robotika u fl-industrija high end. Madankollu, nistgħu nisfruttaw in-niċċa tal-elettronika abbinata mal-karozzi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers saħaq dwar il-bżonn li jkun hemm pjan ekonomiku li jħares fit-tul. Hu stqarr li bħala msieħba soċjali fil-MCESD, il-pjan ekonomiku għall-ġid tal-pajjiż mhux qed ikun diskuss.
Min-naħa tiegħu, Dione Borg qal li jrid ikun hemm sistema sensibbli li ma tħallix lill-istudenti jaqgħu lura. Josef Vella żied li għandha tingħata attenzjoni lill-medium skilled people, jew fi kliem ieħor dawk il-ħaddiema li għandhom xi sengħa teknika.
Fis-snin li għaddew, kellna l-Istitut Fellenberg li kien iħarreġ studenti, fost oħrajn, fl-elettronika. Illum hawn għatx kbir għal dan is-settur iżda s-suq tax-xogħol Malti hu nieqes minnu u ħafna postijiet tax-xogħol mhux qed isibu biżżejjed ħaddiema Maltin kwalifikati fih. “F’dan il-pajjiż moħħna biss fiċ-ċertifikati u qed nitilfu nies kwalifikati f’xi sengħa jew oħra”, kompla Josef Vella. Hu qal li l-problema fl-edukazzjoni hi li qed nagħmlu kollox bl-iskossi.
Fid-diskussjoni qamet il-kwistjoni tal-assoċjazzjoni fil-unions, proposta li ma kinitx imnebbħa mill-General Workers’ Union (GWU) imma hi kollha kemm hi tal-UĦM Voice of the Workers. Din il-union kienet qajmitha f’diskussjoni, li għaliha fost oħrajn kien preżenti l-Prim Ministru, waqt il-Konferenza Ġenerali tal-UĦM li kienet saret f’Diċembru 2015.
Josef Vella fisser li hemm żewġ kategoriji ta’ ħaddiema: dawk li huma membri f’union u allura huma organizzati u regolati bi ftehim kollettiv, u ħaddiema oħrajn li m’huma f’ebda union iżda jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-ħidma trejdunjonistika fil-post tax-xogħol tagħhom fejn jidħol ftehim kollettiv.
Dawn il-ħaddiema huma deskritti bħala free riders għaliex filwaqt li ma jikkontribwixxu xejn lejn il-moviment trejdunjonistiku, huma iżda jieħdu l-benefiċċji ta’ titjib ta’ salarju u kundizzjonijiet oħrajn bħal sħabhom li huma mseħbin. Il-UĦM Voice of the Workers dejjem tenniet li dawn il-ħaddiema għandhom jingħataw l-għażla li, jew jidħlu membri, jew inkella l-miżata tal-union tmur ġo fond għar-riċerka u l-iżvilupp trejdunjonistiku.
Matul il-laqgħa saret referenza għall-problema fil-mekkaniżmu tal-COLA, mekkaniżmu li ġie deskritt bħala daħka fil-wiċċ. Mistoqsi minn Dione Borg dwar il-Living Wage, Josef Vella qal li l-UĦM hi lesta li tikkunsidraha.
Ġie wkoll diskuss is-surplus li qal li għamel il-Gvern. Il-UĦM Voice of the Workers tinnota li s-surplus huwa kbir u minnu nnifsu huwa tajjeb. Imma dan ifisser li jekk konna qed nagħmlu kejk u dan il-kejk kien ta’ ċertu daqs, il-kejk li qed isir issa huwa ikbar. Jekk inqabblu x’kien jiġri fl-2011 mal-lum niskopru li waqt li l-ħaddiem kien jieħu 44 fil-mija mill-‘kejk’, illum il-ħaddiem qed jieħu 41 fil-mija tiegħu. Huwa l-ħaddiem li qed jgħin biex dan il-kejk jikber, iżda l-istess ħaddiem qed ikun kastigat billi jingħata porzjon ta’ tlieta fil-mija inqas. Fi kliem ieħor, id-distakk bejn x’qed jieħu l-investitur u x’qed jieħu l-ħaddiem qed ikompli jikber.
Mal-kandidat tal-PN għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, ġie diskuss il-prekarjat u l-preżenża tal-ħaddiema barranin li hija ta’ theddida għall-proċess tan-negozjar kollettiv fil-pajjiż. Il-UĦM ilha tagħmilha ċara li din mhix kwistjoni ta’ biża’, ta’ razza jew ta’ reliġjon differenti minn tagħna. Imma hi kwistjoni li wieħed minn kull erba’ ħaddiema hu barrani. Jekk nanalizzaw il-kalkoli nintebħu li din hi ċifra kbira.
Il-ħaddiem barrani qed jiġi f’Malta bħala immigrant u qed jibgħat l-paga tiegħu lill-familja, f’pajjiż fejn l-għoli tal-ħajja hu inqas minn dak ta’ Malta. L-€1,000 li jaqla’ il-barrani tfisser ħafna, imma għal Malti tfisser ftit. Il-Gvern irid jara li jkun hemm l-liġi applikata tal-equal pay for job of equal value u allura importanti li l-ħaddiema barranin jiġu offruti kundizzjonijiet daqs tal-Maltin. B’hekk jassigura level playing-field u jnaqqas l-abbuż.
Barra minn hekk din il-union ilha tipproponi li l-ħaddiema għandhom ikunu membri ta’ union tal-għażla tagħhom. Wasal iż-żmien li l-Gvern jimplimenta l-proposta ta’ din il-union li kull ħaddiem ikollu kuntratt tax-xogħol reġistrat biex nassiguraw li l-kuntratti jirriflettu l-liġi u l-kundizzjonijiet stabbiliti ma jibqgħux fuq l-ixkaffa.