Miżuri Fiskali biex Nindirizzaw it-Theddida Demografika

“Il-Gvern wieġeb għat-theddida demografika li bħala poplu Malti u Għawdxi qed naffaċċjaw u għall-proposti li għamlet il-UĦM Voice of the Workers sabiex ifassal politika demografika.”  Din kienet l-ewwel reazzjoni tal- Kap Eżekuttiv, Josef Vella, għall-Baġit 2026.

Il-UĦM Voice of the Workers tilqa’ l-introduzzjoni ta’ brackets tat-taxxa mtejba għall-ġenituri, imħabbra fil-baġit ta’ din is-sena.  Għal diversi snin, il-UĦM saħqet fuq miżuri fiskali u soċjali li jgħinu lill-ħaddiema u l-familja biex jinkoraġġixxu l-fertilità u jtaffu l-piż finanzjarju tal-ġenituri.

Madankollu, Josef Vella sostna li inċentivi fiskali waħedhom mhux se jkunu biżżejjed biex tiżdied ir-rata tat-twelid f’Malta u biex is-suq ta’ xogħol jibqa sostenibbli.  Politika demografika ma tistax tiddependi biss fuq aġġustamenti fiskali, imma trid tkun akkumpanjata minn miżuri li jagħtu lill-ħaddiema aktar ħin ta’ kwalità mal-familji tagħhom.

“Il-ġenituri għandhom bżonn kemm flus u kemm ħin, u allura ma nistgħux ma ninnotawx li llejla dan il-Budget ma ssemma xejn fuq ħin iżjed għall-ġenituri mal-familja tagħhom. Jekk tassew irridu nassiguraw il-futur demografiku u ekonomiku ta’ Malta, irridu nagħmlu l-ħajja tal-familja kompatibbli mal-ħajja tax-xogħol” hekk qal Josef Vella.

F’dan ir-rigward, l-UĦM tesprimi diżappunt li l-Gvern injora l-proposti tal-UĦM:

  • Li kellhom l-għan li jtejbu l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, fosthom l-possibilita ta’ studju ta’ ġimgħa tax-xogħol ta’ 35 siegħa,
  • Ma ssemma xejn fuq il-kwistjoni tas-seniority tal-ħaddiema tal-kuntratturi li għal diversi snin taw servizz lill-gvern, iżda ta’ dan is-servizz mhux se jieħdu l-ebda kumpens.
  • L-Gvern ma ikunsidrax l-proposta li ma tinqatax taxxa fuq il-bolla biex dak li jigi iffrankat jingħata liż-żgħażagħ tagħna biex jkunu jistgħu jinvestuhom f’pensjoni tat-tielet pilastru.

Huwa ta’ dispjaċir li dan l-baġit ma għamel l-ebda referenza għar-realtà li qegħda dejjem tikber ta’ sigħat tax-xogħol eċċessivi, fejn ħafna ħaddiema huma obbligati li jaħdmu aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa, u f’xi każi saħansitra sa 48 siegħa. Din is-sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipji ta’ ekonomija ffukata fuq il-familja u tpoġġi pressjoni żejda fuq is-saħħa mentali u fiżika tal-ħaddiema.

https://www.facebook.com/share/v/17m9CHScTz