Il-UHM Voice of the Workers tilqa’ diversi miżuri soċjali mħabbra fil-Budget 2027, fosthom iż-żamma tas-sussidji fuq l-enerġija u l-fjuwils, iż-żidiet fil-benefiċċji soċjali, kif ukoll is-super bonus ta’ €1,000 għall-ħaddiema. Dawn il-miżuri se jagħtu għajnuna lil familji u ħaddiema.

Madankollu, l-Union tqis li l-Budget jonqos milli jippreżenta viżjoni ċara dwar kif pajjiżna se jżid il-produttività u ssaħħaħ is-sostenibbiltà ekonomika fit-tul. Il-pajjiż għandu jimxi minn ekonomija mibnija fuq il-kwantità għal waħda mibnija fuq il-kwalità, b’investiment akbar fil-ħiliet, l-innovazzjoni u impjiegi ta’ kwalita.

Il-Budget m’għandux jitkejjel biss minn dak li jagħti llum, iżda wkoll mill-opportunitajiet li joħloq għall-futur. Malta trid tkompli t-tranżizzjoni minn ekonomija li tiddependi fuq iż-żieda fin-numru tal-ħaddiema għal waħda li toħloq aktar valur permezz tal-investiment fil-ħiliet, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni

Il-UHM tilqa’ wkoll il-bonus lill-ħaddiema u t-tnaqqis fit-taxxa għall-familji bit-tfal. Madankollu, tisħaq li l-ħaddiema għandhom bżonn żidiet sostenibbli fil-pagi u mhux biss għotjiet ta’ darba fis-sena. Barra minn hekk, diversi kategoriji ta’ ħaddiema, fosthom dawk mingħajr tfal u ġenituri li wliedhom kibru, ma jibbenefikawx minn dawn il-miżuri.

L-Union hi tal-fehma li hemm bżonn qafas aktar strutturat għall-paga minima, sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jgawdu kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi aħjar.  L-UHM tesprimi wkoll id-diżappunt tagħha li numru ta’ proposti li ressqet matul ix-xhur li għaddew f’oqsma importanti relatati mal-ħaddiema, il-produttività, il-pagi u l-kwalità tal-ħajja ma ġewx ikkunsidrati fil-Budget 2027.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM, Josef Vella, qal li dan huwa Budget li jwieżen u li jinkludi diversi miżuri soċjali pożittivi, iżda ma jinvestix biżżejjed fil-produttività u fis-sostenibbiltà, li huma essenzjali biex jiġu sostnuti pagi aħjar, ekonomija aktar b’saħħitha u kwalità ta’ ħajja ogħla fis-snin li ġejjin.

Budget li Jwieżen il-Preżent iżda Jonqos milli Jibni l-Futur