Ftehim settorjali ġdid għall-professjonisti tal-Allied Health

Il-UĦM Voice of the Workers illum iffirmat ftehim settorjali ġdid għall-professjonisti tal-Allied Health, f’pass importanti li jagħraf l-kontribut, l-esperjenza u l-professjonalità ta’ dawn il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.

Il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ il-progress fil-karriera tal-ħaddiema, joffri aktar stabbiltà u ġustizzja, u jirrifletti r-realtajiet ta’ kuljum li jiffaċċjaw il-professjonisti tal-Allied Health kemm fl-isptarijiet kif ukoll fil-komunità, f’mumenti kruċjali fil-kura tal-pazjenti.

L-iffirmar sar waqt ċerimonja uffiċjali fil-preżenza tal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, u s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Joyce Cassar. Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Renzo De Gabriele, id-Direttur Ġenerali Sharon Young, iċ-CEO tal-UĦM Josef Vella, id-Deputat c-CEO Isabelle Farrugia, is-Senior Employment Relations Manager Annalise Casha, u l-Head tal-IRU Thomas Woods.

Il-proċess li wassal għal dan il-ftehim kien ir-riżultat ta’ diskussjonijiet estensivi bejn il-partijiet kollha involuti, bil-għan li jintlaħaq qafas modern, ġust u sostenibbli għall-futur tas-settur, sabiex il-professjonisti jkunu jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom u jibqgħu jaħdmu fl-aspett kliniku tal-professjoni rispettiva tagħhom.

Iċ-CEO tal-UĦM, Josef Vella, iddeskriva l-ftehim bħala wieħed storiku, li jsaħħaħ il-clinical stream u jiżgura progress sħiħ fil-karriera tal-professjonisti involuti. Huwa saħaq li dan it-titjib għandu jwassal għal servizz ta’ eċċellenza għall-pazjenti.

Il-UĦM Voice of the Workers qalet li dan il-ftehim huwa pedament biex jissaħħu aktar il-professjonijiet tas-saħħa u biex jitjiebu s-servizzi offruti lill-poplu Malti u Għawdxi.

Fl-aħħar nett, il-UĦM irringrazzjat lil kull min ta s-sehem tiegħu f’dan il-proċess, partikolarment lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lill-ħaddiema kollha involuti, li bid-dedikazzjoni u l-professjonalità tagħhom jikkontribwixxu għal servizz essenzjali għall-pajjiż.