Fl-2019 din il-Union ingħatat rikonoxximent tax-xufiera tal-Ambulanzi li joperaw mill-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u miċ-Ċentri tas-Saħħa.
Din il-Union ilha għal dan l-aħħar 12-il xahar tagħmel tentattivi sabiex tibda tinnegozja pakkett xieraq għal dawn ix-xufiera (EARs*) u l-familji tagħhom.
Wara diversi xhur ta’ staġnar dawn ix-xufiera, permezz ta’ din il-Union, ħadu azzjoni industrijali li damet għal diversi ġimgħat. Kien hawnhekk illi wara li din il-Union irċeviet data għall-ewwel laqgħa sabiex jinbeda n-negozjar tal-ftehim b’sens ta’ rieda tajba ssospendiet l-azzjonijiet.
Ġara iżda li dakinhar li l-uffiċċjali ta’ din il-Union flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema marru għall-ewwel laqgħa, din ma saritx għaliex skont uffiċċjali min-naħa tal-Gvern dawn il-ħaddiema ma jixirqilhomx kundizzjonijiet aħjar. Dan huwa aġir kundanabbli li ma jawgurax tajjeb għar-relazzjonijiet industrijali bilaterali msejsa fuq prinċipji tad-djalogu soċjali.
Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers qiegħda mil-lum tordna sabiex jitkomplew l-azzjonijiet industrijali.
Tappella lil Ministru tas-Saħħa, l-Onor Chris Fearne sabiex jintervjeni biex jiżblokka din is-sitwazzjoni nġusta għal dawn il-ħaddiema li l-aħħar darba li sar ftehim għalihom kien taħt l-Onor Godfrey Farrugia.
* Emergency Ambulance Responders