B’riferenza għall-istrajk tal-għalliema ta’ nhar it-Tnejn li ġej 27 ta’ Novembru, u fl-isfond tal-komunikat li ħareġ il-Ministeru tal-Edukazzjoni fejn ġie deċiż li dakinhar mhux se jkun hemm trasport tal-iskejjel, il-UHM Voice of the Workers tinnota li jista’ jkun hemm ġenituri li jaħdmu li jkollhom diffikultà biex iwasslu t-tfal tagħhom l-iskola. Dan bil-konsegwenza li ma jaslux għax-xogħol fil-ħin.
Għal dan il-għan il-UHM qed tavża li mhux se taċċetta li tittieħed xi forma ta’ dixxiplina (jew telf finanzjarju) jekk minħabba tali deċiżjoni xi ġenituri ma jaslux fil-ħin jew ikollhom bżonn jitilqu mix-xogħol biex iwasslu lit-tfal tagħhom.
Il-UHM Voice of the Workers twissi li lesta tordna azzjonijiet industrijali jekk kemm-il darba jkun hemm xi tip ta’ konsegwenza fuq il-ħaddiema.
Aġġornament dwar l-istrajk 15.00
Il-UHM Voice of the Workers tilqa’ l-assikurazzjoni li ngħatat mis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (Taqsima People and Standards), is-Sinjura Joyce Cassar, b’rabta mal-istrajk tal-għalliema ta’ nhar it-Tnejn li ġej. Dan wara t-tħassib espress mill-union f’każ li xi ġenituri ma jaslux ix-xogħol fil-ħin jew ikollhom jitilqu peress li mhux se jkun hemm trasport għall-iskejjel.
Il-union tilqa b’sodisfazzjoni id-dikjarazzjoni li “ittieħdu l-providementi neċessarji kollha biex il-ħaddiema u uffiċċjali pubbliċi li għandhom tfal tal-iskola jkunu mgħotija s-sapport li hu meħtieġ nhar it-Tnejn 27 ta’ Novembru b’konnessjoni mal-istrajk tal-għalliema. Huma wkoll jistgħu jiġu nfurmati li jekk għandhom bżonn xi nformazzjoni dwar dan jistgħu jkellmu l-kapijiet tagħhom li huma nfurmati f’dan ir-rigward.”
24 ta’ Novembru 2023